Toħroġ il-verita għaliex tħassret ir-Regatta tal-U/18

Saturday, July 24, 2010, 22:50
Din is-sena ż-Żgħażagħ dilettanti tar-Regatta mhux se jkollhom ċans jipparteċipaw fir-Regatta ta' l-U/18

Din is-sena ż-Żgħażagħ dilettanti tar-Regatta mhux se jkollhom ċans jipparteċipaw fir-Regatta ta' l-U/18

Wara jien ta’ qtiegħ il-qalb jekk kienitx se ssir ir-Regatta ta’ l-U18, ġie uffiċjalment magħruf li din ir-Regatta mhux se ssir din is-sena. Din l-aħbar ingħatat mis-Segretarju ta’ l-Għaqda Regatta Nazzjonali Anthony Caruana meta għarraf lil Clubs membri.

Kien hemm min wera diżaprovazzjoni għal dan u kien hemm ħafna li waħħlu fil-Kunsill Malti għall-Isport għaliex ħasbu li kien b’kapriċċ li din ir-Regatta taż-Żgħażagħ mhux se ssir.

F’dan is-sit qedgħin nippublikaw l-istqarrija fit-totalita’ tagħha li ħareġ il-Kunsill Malti għall-Isport li jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni. F’din l-istqarrija jissemmew ukoll iċ-ċifri li oriġinalment talbet l-Għaqda Regatta Nazzjonali.

Kuntrarju għall-impressjoni li setgħet inagħtat fi stqarrijjiet maħruġa għall-media, il-Kunsill Malti għall-Isport jappoġġja b’mod konkret it-tiġrijiet tar-Regatta Tradizzjonali. Il-Kunsill Malti għall-Isport din is-sena qed jiffinanzja żewġ Regatti Tradizzjonali waħda f’Marzu u oħra f’Settembru bl-ispiża mistennija tlaħħaq €75,000. Din l-għajnuna teskludi għajnuniet oħra inkluż l-użu ta’ propjetajiet pubbliċi u kirjiet sussidjati b’eluf ta’ ewro oħra.

Il-fatti dwar ir-Regatta Tradizzjonali għaż-Żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena huma dawn:

1.Is-Sur Anthony Caruana, Segretarju tal-Għaqda ippreżenta stima ta’ €3,200 biex l-Għaqda torganizza r-Regatta taż-Żgħażagħ.
2.Il-Kunsill Malti għall-Isport irrimarka li n-nefqa ma kinitx iġġustifikata. B’mod partikolari l-KMS ħass li €1,000 nefqa għat-trofej kienet għolja wisq. Il-KMS ħass ukoll li €500 għal kirja ta’ dgħajsa tal-judges setgħet tiġi evitata billi l-klabbs stess, jipprovdu huma dagħjsa għal dan l-iskop.
3.Bħala regola ġenerali l-KMS ma jagħtix assistenza biex Għaqda tiffinanzja l-attività kollha, imma jistenna li l-għaqdiet ifittxu wkoll forom oħra ta’ finanzjament.
4.Il-Kunsill Malti għall-Isport offra €1,200 (minbarra l-€75,000 aktar il-fuq imsemmi) f’assistenza għar-Regatta taż-Żgħażagħ. Il-KMS ikun dispost li jikkonsidra żieda f’għoti ta’ fondi lir-Regatta Tradizzjonali meta jassigura li l-Għaqda qed ittejjeb il-livelli ta’ organizazzjoni, effiċjenza, dixxiplina u trasparenza tagħha.
5.Is-Sur Caruana, Segretarju tal-Għaqda informa li r-Regatta taż-Żgħażagħ mhux se ssir.

L-istqarrija tal-Għaqda Regatta Nazzjonali titkellem ukoll dwar l-obbligu li klabb sportiv jirreġistra mall-Kunsill Malti għall-Isport. Tajjeb jingħad li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni joħroġ mill-Liġi tal-Isport tal-2003. Il-Kunsill Malti għall-Isport għandu 302 għaqda sportiva reġistrati miegħu. Dawk reġistrati mall-KMS huma intitolati li jgawdu minn diversi skemi ta’ assistenza mingħand l-istess KMS. Is-sena li għaddiet il-KMS qassam €3.3 miljun lil dawn l-għaqdiet u dan ma jinkludix għotjiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, għotjiet mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Good Causes Fund u għajnuniet oħra minn diversi entitajiet Governattivi.

Kif inhu xieraq il-KMS jistenna li meta jagħti assistenza minn fondi pubbliċi jiġi mogħti rendikont sħiħ permezz ta’ rċevuti fiskali għall-ekwivalenti tal-fondi li jkunu ingħataw. Jista’ jkun li għal uħud din hija burokrazija imma għall-KMS din hi serjetà.

L-istqarrija tal-Għaqda Regatta Nazzjonali tirreferi għall-fondi allokati mill-Kunsill Malti għall-Isport lill-Kumitat Olimpiku Malti. Għas-sena 2010, il-pakkett ta’ assistenza allokat mill-KMS lill-Kumitat Olimpiku Malti huwa ta’ €343,402. Il-KMS huwa tal-fehma li l-KOM, juża dawn il-fondi pubbliċi, biex jiffoka u jassisti fl-iżvilupp ta’ atleti elite ta’ dixxiplini Olimpiċi. Fl-istess waqt il-KMS qiegħed joħloq skema ta’ assistenza simili għal dixxiplini sportivi non Olimpiċi, li minna qed tgawdi wkoll l-Għaqda Regatta Nazzjonali. B’dan il-mod l-għaqdiet sportivi jibqgħu b’mod kollettiv jieħdu b’mod sħiħ l-istess ammont ta’ fondi allokat lilhom.

Il-KMS bl-ebda mod ma jimponi fuq il-Kumitat Olimpiku Malti biex ma jassistix lill-għaqdiet sportivi Non Olimpiċi, inkluż lill-Għaqda Regatta Nazzjonali minn fondi oħra li l-Kumitat Olimpiku jista’ jġib minn għaqdiet internazzjonali u sponsorships. Il-Kumitat Olimpiku huwa organizzazjoni awtonoma u allura jmexxi l-affarijiet tiegħu kif iħoss li huwa l-aħjar interess tal-membri tiegħu.

Il-KMS jawgura li jkompli jaħdem flimkien mal-Għaqda Regatta Nazzjonali għall-ġid tal-istess Regatta f’pajjiżna.





2 Comments

  1. Kevin Camilleri says:

    to Louise, Nahseb l-ahjar hu li naraw kif u fejn inteffqu il 75,000 euro cifra li fl-opinjoni tieghi giet sproporzjonata mhux hazin, it-tieni pass ghandu jkun, kif ser npoggu madwar mejda u naraw xánomaliji hemm bejn l-Ghaqda u l-KMS. L-Ghar li seta jsir u dak li sar il-KMS taf li b’dak li offriet kien baxx wisq minn naha l-ohra l-Ghaqda setghet sabet xi forma ta soluzzjonijiet ohra. Li ha noqghodu nghidu qacctu lil dak u qacctu lil iehor ghax hames snin ilu…… minn qed jghamel il-bsaten fir-roti konvint li l-membri tal-Ghaqda jafu minn huma!!!!!!…. ma jisslova xejn anzi ghar minn hekk nikkomplikawom.

    [Reply]

  2. louis attard says:

    Araw kif se tehillsu min dak jew dawk I’ll persuni li qedghin ifixxklu flok jahdmu. Ehilsu minnhom illum qabel ada. Tafu ghal min qed nirreferi al min hames snin ilu pprova jdahhak mal ministru zammit dimech tiftakru ? Loius

    [Reply]

Leave a comment