Tmiem eċċezzjonali għall-Universitarji li jirbħu n-Knock Out

Tuesday, April 17, 2018, 10:31

Jinżel is-siparju fuq il-futsal lokali, hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, intlagħbet il-finali tan-Knock Out bejn Luxol u t-tim tal-Università ta’ Malta. Finali li ħadd qatt ma kien qed jistenna li jara l-Universitarji jilagħbu bi grinta liema bħalha, kontra l-qawwa ta’ Luxol. Tim li ilu mwaqqaf biss erba’ snin u rnexxielu mhux biss jasal għall-ewwel darba fil-finali, imma jirbaħha bl-iskor ta’ 5-2.

Wara biss żewġ minuti, Nermin Hasanbegovic poġġa lill-Universitarji fil-vantaġġ. Sabiex madwar tmien minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, f’temp ta’ minuta, l-Universitarji skurjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Shawn Deguara u Jose Maria Aguillera Castellano. B’hekk l-ewwel taqsima ntemmet 3-0 favur l-Universitarji.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, fit-tieni u fit-tielet minuta, Luxol dehru li wettqu reazzjoni meta sabu x-xibka permezz ta’ Gian Carlo Sammut u Rogerio dos Santos Filho. Minn hawn il-logħba żiedet fl-intensità u bdiet issir xi ftit nervuża. Luxol għamlu ħinijiet twal jilagħbu b’raġel anqas meta tkeċċa għalihom Rogerio dos Santos Filho li rċieva żewġ karti sofor u Gian Carlo Sammut li ntwera l-karta l-ħamra diretta għal ritaljazzjoni fuq Rodney Debono. Sakemm fl-aħħar, it-tim tal-Università ssiġġilla r-rebħ tat-titlu bit-tieni gowl personali ta’ Shawn Deguara u gowl ta’ Alex Ellul.

Wara t-tisfira finali, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet kbar mill-plejers, diriġenti u l-istudenti li ġew bi ħġarhom għal din il-finali. Fl-aħħarnett il-captain tat-tim tal-Università ta’ Malta, l-gowlkiper Matthew Gatt, li kellu prestazzjoni eċċelenti tul il-logħba kollha, rċieva t-tazza mingħand it-Teżoriera tal-FMA s-Sinjura Mireille Vella u għollieha ‘l fuq fost il-ferħ kbir ta’ sħabu.





Leave a comment