TLIET UFFIĊJALI MALTIN FIL-KORS TA’ KONSOLIDAZZJONI TAL-UEFA CORE 36

Sunday, November 5, 2017, 10:21

Il-kors mogħti mill-UEFA Centre of Refereeing Excellence (CORE) huwa immirat għal referees promettenti li jaspiraw li jniżżlu isimhom fuq il-lista ta’ referees internazzjonali; dan iseħħ matul għadd ta’ korsijiet fuq sena f’Nyon, l-Iżvizzera.

Wara l-esperjenza pożittiva li kellhom fil-Kors Introduttorju tal-UEFA CORE ta’ Mejju li għadda, l-Elite Referee Matthew De Gabriele u l-Elite Assistant Referees Dusan Petrovic u Theodore Zammit, flimkien mat-trios ta’ uffiċjali oħrajn minn diversi pajjiżi, reġgħu ġew mistiedna sabiex jattendu għat-tieni u l-aħħar parti tal-kors li saret bejn it-12 u d-19 ta’ Ottubru, imsejjaħ Kors ta’ Konsolidazzjoni tal-UEFA CORE.

L-iskop ta’ din it-tieni parti huwa biex abbażi ta’ numru ta’ kriterji li jikkalkulaw il-progress li jsir bejn iż-żewġ partijiet tal-kors, tingħata d-Diploma fir-Refereeing jew jingħata ċ-Ċertifikat tal-Attendenza. Matul ix-xhur ta’ bejn il-Kors Introduttorju u dak ta’ Konsolidazzjoni, l-uffiċjali Maltin kellhom iżommu kuntatt kontinwu mal-coach rispettiv tagħhom, il-Bulgaru Radan Miryanov għar-referees u l-Iżvediż Leif Lindberg għall-assistant referees, sabiex jaġġornawhom dwar il-progress li kienu qed jagħmlu waqt il-logħbiet lokali. Barra minn hekk, matul dawn ix-xhur, l-ispeċjalisti Werner Helsen u Lluís Cortés Cava kienu inkarigati josservaw is-saħħa fiżika tal-uffiċjali kollha, waqt li jindikawlhom liema aspetti fiżiċi kellhom itejbu grazzi għal taħriġ ippersonalizzat li jiffoka iktar fuq l-aspett/i indikati lilhom, mingħajr ma jintilef il-progress tas-saħħa fiżika inġenerali.

Matul din il-ġimgħa f’Nyon, kull triju ta’ uffiċjali kellu jagħmel għadd ta’ testijiet li prinċipalment kienu jikkonsistu: fit-test fiżiku (il-Yo-Yo Test); fit-test li jiddetermina l-perċentwal ta’ xaħam fil-ġisem (il-Body Fat % Test); fit-testijiet tal-Kordinazzjoni, tal-Flessibilità, tal-Istabbiltà u tal-Mobilizzazzjoni; u fl-eżerċizzji prattiċi integrati mas-sessjonijiet ta’ taħriġ li involvew il-ħidma bħala team u t-teħid ta’ deċiżjonijiet.

L-uffiċjali Maltin, bħala parti wkoll mill-evalwazzjoni finali, ingħataw l-opportunità li jikkontrollaw il-partita bejn Racing Besançon u F.C. Sochaux Montbeliard II mill-ħames diviżjoni tal-kampjonat Franċiż – ix-Championnat National 3 – fil-belt ta’ Besançon, bir-riżultat finali jkun 0-2. Tajjeb li jissemma li f’din il-partita kien hemm ħafna players żgħażagħ li lagħbu football sabiħ b’ritmi għolja quddiem attendenza ta’ 1,800 spettatur. Wara l-partita, l-uffiċjali Maltin ntalbu jagħmlu awto-analiżi tal-prestazzjoni tagħhom kif mistenni f’dan il-livell, segwita minn analiżi tal-partita fil-jiem ta’ wara mil-letturi anzjani u l-coaches li kienu qed jiggwidaw lil kull triju ta’ uffiċjali mid-diversi pajjiżi li pparteċipaw: Malta, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Kosovo, il-Moldova, Wales, l-Andorra u l-Konfederazzjoni tal-Football Afrikan (CAF) b’rappreżentanti mill-Eġittu, il-Kenja u Mauritius.

Il-letturi anzjani għal dan il-kors kienu David Elleray u Kyros Vassaras li qasmu l-esperjenza vasta tagħhom, u taw pariri u linji gwida indispensabbli lill-parteċipanti kollha għall-futur tal-karriera tagħhom fir-refereeing.

Fl-aħħar ġurnata tal-kors, saret iċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-UEFA f’Nyon, fejn David Elleray, bħala CORE Senior Course Leader, ippreżenta d-Diploma fir-Refereeing lil kull uffiċjal Malti.

Dan żgur kien kisba kbira għat-trio Malti wara x-xogħol iebes u d-dedikazzjoni matul l-aħħar ħames xhur ta’ bejn il-Kors Introduttorju u dak ta’ Konsolidazzjoni.





Leave a comment