Tliet uffiċjali lokali oħrajn maħtura referee observers tal-UEFA

Sunday, August 20, 2017, 12:13

Dan l-aħħar, il-UEFA ħatret tliet referee observers lokali ġodda mal-220 observer fuq il-panel tagħha li ser ikunu qed iservu għaż-żewġ staġuni li ġejjin; lejn tmiem l-istaġun li għadda t-triju attenda kors f’Nyon, l-Isvizzera, indirizzat lil UEFA referee observers ġodda bħalhom.

Kevin Azzopardi, Direttur tar-Refereeing (sa minn Marzu 2016) u eks-FIFA Referee, għandu warajh karriera ta’ 18-il sena bħala referee attiv, bil-preġju tagħha tkun il-partita ta’ Novembru 2013 mill-UEFA Youth League bejn FC Juventus u FC Copenhagen. F’din il-kariga l-ġdida, l-ewwel partita tas-Sur Azzopardi kienet dik tas-27 ta’ Lulju 2017 mit-3 Round l-1 Leg tal-UEFA Europa League li ntlagħbet fi Graz bejn Sturm Graz (l-Awstrija) u Fenerbahçe (it-Turkija); hu kien akkumpanjat mill-UEFA Referee Observer t’esperjenza Frank De Bleeckere (il-Belġju).

Esther Azzopardi, l-unika FIFA Referee Maltija sal-ġurnata tal-lum, se tkun ukoll l-ewwel UEFA Women’s Referee Observer li qatt kellha Malta wara karriera ta’ 20 sena li laħqet il-qofol tagħha bil-parteċipazzjoni fil-FIFA Women’s U/17 World Cup f’Ottubru li għadda fil-Ġordan, fost numru ta’ partiti internazzjonali oħrajn. Is-Sa Azzopardi ser tkun qed tagħmel id-debutt tagħha l-ġimgħa d-dieħla waqt UEFA Women’s Champions League Qualifying Tournament li jseħħ fl-Irlanda ta’ Fuq.

It-tielet rekluta ġdid huwa Marco Borg, hu wkoll eks-FIFA Referee li rtira fl-2016 wara 25 sena servizz, li matulhom ikkontrolla l-FA Trophy lokali għal xejn inqas minn tliet darbiet, kif ukoll diversi partiti importanti oħrajn. F’din il-kariga l-ġdida, l-ewwel partita tas-Sur Borg kienet dik tat-3 t’Awwissu mit-3 Round it-2 Leg tal-UEFA Europa League bejn Olexandriya (l-Ukrajna) u Astra (ir-Rumanija). It-tutur tiegħu kien il-UEFA Referee Observer t’esperjenza Rune Pedersen (in-Norveġja).

Ir-referee observers t’esperjenza s-Sinjuri Charles Agius u Gaetano De Gabriele jikkumplimentaw il-lista ta’ UEFA Referee Obesrvers Maltin; it-tnejn li huma diġà kellhom diversi partiti importanti mill-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League matul dawn l-ewwel ġimgħat tal-istaġun.

 

 





Leave a comment