Tlett timijiet jiġġieldu għal żewġ postijiet fil-play-offs

Monday, March 11, 2019, 18:42

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Siġġiewi 87

Depiro 62

(15-21)(27-13)(25-21)(20-7)

Siġġiewi kisbu rebħa mportanti kontra Depiro li kellhom lil coach Alfred Mifsud sospiż u baqgħu jittamaw għal post fil-play-offs hekk kif jidher li se jkun hemm ġlieda nteressanti fl-aħħar partiti bejn dawn iż-żewġ timijiet flimkien ma’ Victoria Libertas. Depiro kellhom bidu tajjeb u sa’ nofs l-ewwel sessjoni kienu 10-9 minn fuq wara punti ta’ Nenad Rosic u Ethan Briffa. Siġġiewi kellhom it-trippli ta’ Billy Zammit u Alex Novakovic però Depiro komplew b’run ta’ 11-1 qabel ma Novakovic reġa’ naqqas id-distakk fuq skor ta’ 15-21. Kien fit-tieni sessjoni li Siġġiewi ħadu l-vantaġġ wara trippla ta’ Zammit u l-punti ta’ Hubert Agius u Milan Nedic 26-25. Novakovic bi trippla bdielhom run oħra ta’ 11-2 biex sal-intervall Siġġiewi kienu 42-34 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Siġġiewi komplew iżidu l-vantaġġ hekk kif bdew bi trippla oħra ta’ Zammit li kellhu erba’ punti oħra flimkien ma’ Agius għal skor ta’ 56-42. Depiro naqqsu xi ftit id-distakk b’sitt punti mingħajr risposta iżda Siġġiewi malajr wieġbu permezz ta’ Nedic u Novakovic biex temmew is-sessjoni 67-55 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Siġġiewi kellhom run ta’ 10-0 fl-ewwel minuti biex inqatgħu fuq quddiem u għalkemm Depiro kellhom il-punti ta’ Miguel Mallia u Andy Attard, Siġġiewi komplew bi trippla oħra ta’ Zammit flimkien ma’ Ruben Curmi u Nedic biex rebħu l-partita 87-62.

Siġġiewi: B. Zammit 27, A. Novakovic 22, H. Agius 20

Depiro: N. Rosic 20, A. Attard 13

 

Victoria Libertas 59

Gżira Athleta 82

(13-25)(21-15)(8-27)(17-15)

Gżira Athleta komplew għaddejin bla telfa fil-kampjonat meta għelbu lil Victoria Libertas 82-59, rebħa li mmaturat b’mod partikolari fit-tielet taqsima b’run ta’ 18-2. Athleta kienu mingħajr Matthew Gouder waqt li għal Libertas irritorna Slavko Opojevlic. Libertas fetħu l-partita bi trippla ta’ Matthew Binder u basket ta’ Christian Briffa biex marru għall-unika darba minn fuq. Athleta wieġbu b’run ta’ 15-2 bil-punti ta’ Nathan Xuereb u trippla ta’ Luca Stefanovic. Emanuel Lupo wieġeb għal Libertas però trippla ta’ Xuereb rat lil Athleta jtemmu s-sessjoni fuq quddiem 25-13. Fit-tieni perjodu Libertas bdew jirkupraw u rnexxielhom jaslu sa’ tlett punti ‘l bogħod 32-35 wara baskets minn Lupo, Briffa u Binder. Athleta kellhom il-punti ta’ Francesco Mifsud Bonnici u trippla ta’ Stefan Vincic biex daħlu jistrieħu 40-34 minn fuq.

Wara l-intervall Mifsud Bonnici fetaħ bi trippla oħra, u hawn waslet ir-run ta’ 18-2 minn Athleta li għalqet il-partita fejn huma kellhom diversi punti minn Stefanovic, Xuereb u Nicolo Guida fost l-oħrajn. Stefanovic kellhu wkoll trippla biex Athleta temmew is-sessjoni 67-42 min fuq. B’distakk ta’ 25 punt ftit kien hemm storja fl-aħħar sessjoni għalkemm Libertas fetħu bi 8 punti mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ Binder. Athleta wieġbu permezz ta’ Julian Wait, Xuereb u trippla ta’ Vincic biex ħarġu rebbieħa 82-59.

Victoria Libertas: C. Briffa 17, M. Binder 16.

Gżira Athleta: N. Xuereb 30, F. Mifsud Bonnici 18

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Gżira Athleta

9

9

0

18

760

575

Starlites GIG

9

6

3

15

639

610

Victoria Libertas

10

3

7

13

586

730

Siġġiewi

10

3

7

13

704

727

Depiro

10

3

7

13

653

700

 





Leave a comment