Tlett timijiet jaqsmu l-ewwel post ġurnata mit-tmiem tal-ewwel fażi

Monday, March 6, 2017, 13:11

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 66

Floriana MCP Car Parks 52

(12-14)(18-9)(19-11)(17-18)

Bupa Luxol għamlu d-double fuq Floriana MCP Car Parks meta kisbu s-sitt rebħa tal-kampjonat 66-52. William Ahlberg reġa’ kien nieqes għal Luxol li kellhom lil Samuel Deguara jispiċċa b’36 punt minn 18 –il basket. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn għal 3 darbiet kien hemm parita bejn iż-żewġ timijiet. Floriana kellhom break qasir ta’ 8-2 biex temmew l-ewwel taqsima 14-12 minn fuq hekk kif il-punti kollha ta’ Luxol ġew minn Deguara. Fit-tieni perjodu Luxol marru fuq quddiem wara trippla minn Pierce Cumpstone u qatt ma reġgħu marru minn taħt minkejja li għal darbtejn Floriana ġabu l-iskor indaqs. Luxol komplew b’run ta’ 10-2 biex fl-intervall fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 30-23.

Fit-tielet taqsima, Luxol reġgħu fetħu qawwi b’aktar punti minn Deguara u Cumpstone flimkien ma’ Keith Dimech. Floriana kellhom trippla minn Sean Borg u punti minn Chad Patus però Luxol kellhom vantaġġ ta’ 15 –il punt 49-34. Fl-aħħar sessjoni, il-logħob kien aktar maqsum fejn kienu Luxol li bdew tajjeb bi break ta’ 7-2. Floriana wieġbu bit-trippli ta’ Patus u Nikola Andrejevic hekk kif kellhom run ta’ 11-4 biex naqqsu xi ftit id-distakk. Il-partita għalqet bi trippla fuq kull naħa minn CJ Cordina u Nikola Vasovic biex Luxol rebħu l-partita 66-52.

Bupa Luxol:  CJ Cordina 5, M. Mercieca 2, J. Maistre Melillo, JP Schembri, K. Dimech 2, P. Cumpstone 10, S. Deguara 36, S. Cappello 11.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 15, S. Pace, S. Borg 5, N. Vasovic 21, C. Calleja 2, A. Axiaq 6, A. Micallef Trigona, N. Andrejevic 3.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Stephen Micallef.

Cynergi Depiro 46

Gżira Athleta 77

(16-19)(7-14)(11-24)(12-20)

Gżira Athleta pattew għat-telfa li kienu ħadu fl-ewwel round kontra Cynergi Depiro meta kisbu rebħa pjuttost sorprendenti b’distakk ta’ 31 punt 77-46. Depiro kellhom wirja negattiva u jridu jinsewha mill-aktar fis hekk kif issa ninsabu fuq l-għatba tal-play-offs. Il-partita fetħet b’basket ta’ Josiah Whitehead bid-Depiro jirrispondu b’seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ David Bugeja. Depiro żammew il-vantaġġ għal xi ħin però t-tieni parti tas-sessjoni ġiet dominata minn Athleta b’run ta’ 13-0 b’diversu punti ta’ Peter Shoults li kellhu wkoll trippla għal skor ta’ 19-16. Fit-tieni perjodu Depiro kellhom diffikulta biex jagħmlu l-punti fil-waqt li Athleta żiedu l-vantaġġ bid-dħul ta’ Marakinyo Williams u trippla oħra ta’ Shoults. Wara trippla minn Andrew Aquilina għal Depiro, Athleta kellhom sensiela ta’ punti konsekuttivi minn Michael Naudi biex daħlu jistrieħu 33-23 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Athleta komplew iżidu d-dominju tagħhom fil-partita hekk kif bdew bi break ieħor ta’ 9-2 bil-punti ta’ Shoults u Whitehead. Depiro finalment wieġbu bil-punti minn Kurt Xuereb però Athleta malajr wieġbu bi break ieħor ta’ 11-3 b’Naudi u Shoults f’ġurnata posittiva u Athleta temmew it-taqsima 57-34 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Depiro ma rnexxielhomx inaqqsu d-distakk biżżejjed biex jinkwetaw lill-Athleta hekk kif il-punti minn Naudi u Williams komplew ġejjin biex Athleta ħadu s-sitt rebħa tal-kampjonat 77-46.

Cynergi Depiro: N. Grech, D. Bugeja 5, R. Bonnici 7, A. Aquilina 6, DJ Mason 13, T. Zammit, M. Mallia, A. Quiros 2, K. Xuereb 13, M. Borg, D. Scafidi.

Gżira Athleta: M. Naudi 17, R. Vella 2, D. Camilleri 2, M. Williams 16, P. Shoults 23, L. Stefanovic, B. Zammit 2, S. Vincic 2, J. Whitehead 13.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Igor Marjanovic.

Starlites 76

Hibernians 96

(19-27)(20-25)(15-20)(22-24)

Hibs kisbu rebħa oħra fit-tama tagħhom li jistgħu jaslu sal-play-offs u kollox jiddependi miż-żewġ partiti li fadlilhom bl-ewwel waħda tkun jumejn oħra kontra Floriana u l-aħħar waħda kontra Luxol għalkemm jiddependi wkoll mir-riżultat ta’ Floriana fl-aħħar partita. Il-partita kellha ftuħ mill-aqwa biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin kontinwament fejn għal diversi drabi punt biss kien jifred liż-żewġ timijiet. Kien lejn it-tmiem li Hibs kellhom run ta’ 11-4 biex temmew l-ewwel taqsima 27-19 minn fuq. Hibs komplew bi break ieħor ta’ 8-2 bi trippla minn Alvaro Lizaur biex fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 35-21. Starlites wettqu reazzjoni u kellhom run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Anthony Schembri u naqqsu d-distakk għal darb’oħra però r-risposta ta’ Hibs kienet immedjata bi break ta’ 10-2 u daħlu jistrieħu 52-39 minn fuq.

Wara l-intervall Starlites fetħu bi trippla ta’ Ivan Mitrovic u l-punti ta’ Jacob Formosa u Nikola Stankovic. Hibs ukoll kellhom it-trippli minn Lizaur flimkien ma’ Adrian Micallef hekk kif Starlites tilfu lil Formosa b’injury. Lizaur u Fabrizio Mariani għamlu l-aħħar sitt punti tat-taqsima għal skor ta’ 72-54. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni, l-logħob kien aktar maqsum b’Lizaur jagħmel il-ħames trippla tiegħhu flimkien ma’ Micallef u Marco Matijevic. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Miguel Falzon u Stankovic u trippla ta’ Alec Felice Pace. Hibs irrrispondew bil-punti ta’ Luke Farrugia u trippla ta’ Simon Attard bi Starlites jagħlqu l-partita bil-punti konsekuttivi ta’ Stankovic però kienu Hibs li ħarġu rebbieħa b’distakk ta’ 20 punt 96-76.

Starlites: I. Mitrovic 10, R. Carabott 3, A. Schembri 8, M. Falzon 2, A. Felice Pace 8, N. Stankovic 26, J. Formosa 19, I. Felice Pace.

Hibernians: P. Attard 2, M. Houmpton, E. Xuereb, L. Farrugia 12, S. Attard 3, I. Bonett, A. Micallef 16, M. Matijevic 13, S. Vella, F. Mariani 12, A. Lizaur 38.

Referees: Bernard Vassallo, Christine Farrugia, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Cynergi Depiro

9

6

3

15

643

625

Gżira Athleta

9

6

3

15

660

577

Bupa Luxol

9

6

3

15

708

627

Floriana MCP Car Parks

8

4

4

12

609

581

Starlites

9

2

7

11

674

839

Hibs

8

2

6

10

611

656





Leave a comment