Titwettaq il-wegħda elettorali ta’ għajnuna lill-isportivi Għawdxin

Monday, November 11, 2013, 10:05

Il-President tal-Gozo Football Association Alvin Grech flimkien mas-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo

Il-Gvern wettaq wegħda oħra mill-manifest elettorali wara li ġiet imnedija l-Iskema Għajnuna Sportiv Għawdxi li hija skema ta’ assistenza fejn il-klabbs Għawdxin se jirċievu għajnuna finanzjarja biex ikopru parti mill-ispejjeż tal-ivjaġġar meta jkollhom jiġu Malta biex jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet sportivi. Mal-250 sportiv Għawdxi se jibbenefikaw minn din l-iskema.

 

L-Iskema tħabbret waqt konferenza stampa li saret fil-Gozo Stadium mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Dr Stefan Buontempo, fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo, flimkien mar-rappreżentanti tal-klabbs.

 

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li din il-wegħda qed taħseb li tnaqqas l-ispejjeż li l-Għawdxin ikollhom iħallsu biex jikkompetu f’attivitajiet sportivi f’Malta. Apparti l-futbol u l-waterpolo hemm dixxiplini oħra bħal Rugby, Softball, Atletika u oħrajn, dan biex l-ebda sportiv Għawdxi ma jħossu eskluż u li ma jistax jikkompeti f’kompetizzjonijiet f’Malta minħabba spejjeż finanzjarji żejda.

 

Dr Buontempo qal ukoll li mis-sena d-dieħla din l-iskema se tiġi estiża għal individwi Għawdxin li jipprattikaw sport individwali f’Malta u permezz ta’ din l-iskema nkunu qed nagħtu aktar opportunitajiet biex l-Għawdxin jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet li jsiru Malta. Is-Segretarju Parlamentari Buontempo kompla jgħid li l-Gvern Malti qed jipprepara skemi oħra li se jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-atleti Għawdxin.

 

Is-Segretarju Parlamentari Dr Stefan Buontempo u l-Ministru Dr Anton Refalo qassmu l-assistenza finanzjarja lil diversi klabbs sportivi li kkompetew f’attivitajiet sportivi f’Malta bejn Jannar sa Ġunju 2013.

 

Aktar informazzjoni dwar din l-iskema tista’ tinkiseb mill-Kunsill Malti għall-Isport fuq 2203600 jew minn fuq is-sit www.sportmalta.org.mt

 





Leave a comment