Titnieda uffiċjalment l-Aġenzija Nazzjonali kontra d-doping

Friday, February 24, 2012, 12:16

“Jeħtieġ nissalvagwardjaw l-integrita tal-isport anke billi nżommuh ħieles minn kull abbuż ta’ sustanzi projbiti.” Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport waqt it-tnedija uffiċjali tal-Agenzija Nazzjonali ta’ kontra d-Doping (NADO) li se tkun qed tiġġieled l-użu ta’ sustanzi projbiti fl-isport.

Clyde Puli spjega kif fl-2009, il-Kunsill Malti għall-iSport ġie rikonoxxut uffiċjalment bħala l-Organizzazjoni Nazzjonali kontra d-doping mill-WADA (World Anti Doping Agency). Huwa qal li sussegwentament bdiet ħidma biex issir it-transpożizzjoni tal-kodiċi ta’ regolamenti ta’ kontra d-doping tal-WADA fil-liġi Maltija. Dan wassal biex fl-2011 ġie ippreżentat avviż legali fil-Parlament li permezz tiegħu twaqqfet in-NADO u daħlu fis-seħħ ir-regolamenti kontra d-doping.

Sussegwentament, pajjiżna irratifika l-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-doping. Aktar tard matul is-sena twaqqfet l-agenzjia NADO li tinkludi l-Anti Doping Commission, l-Anti Doping Disciplinary Board, l-Anti Doping Appeals Board u t-Therapeutic Use Exemptions Committee. Sa issa ġie ingaġġat koordinatur tal-Agenzija Nazzjonali ta’ kontra d-doping u bħalissa qed jiġu ingaġġati d-doping control officers.

In-NADO waqqaf ‘Registered Testing Pool’ li jinkludi atleti ta’ livelli Nazzjonali u Internazzjonali li jistgħu jiġu mitluba jissottomettu ruħhom għal test tad-doping. Dan il-bord se jkollu s-setgħa li jagħmel ukoll testijiet ad-hoc waqt kompetizzjonijiet sportivi fuq kwalunkwe atleta. Il-kampjuni imbagħad jintbgħatu barra minn Malta, f’laboratorju akkreditat mill-WADA biex jiġu eżaminati.

Inkarigu ieħor tan-NADO hu li jfassal programm ta’ edukazzjoni dwar id-doping u l-effetti negattivi li għandhom dawn is-sustanzi fuq il-ġisem tal-atleta, inkluż kampanja ta’ informazzjoni fost l-atleti u l-għaqdiet sportivi dwar il-proċeduri li se jidħlu fis-seħħ.

Puli tenna li l-Gvernijiet Ewropej jirrikonoxxu li din it-theddida għall-isport qedgħa dejjem tikber filwaqt li ikkwota  informazzjoni li ta l-President tal-IOC Jacques Rogge li turi li f’20 sena in-numru ta’ dawk li għamlu użu minn ċerti stimulanti pprojbiti kiber minn 5% għal 20%.

Dan is-seminar kien indirizzat ukoll miċ-Chairman tal-KMS, Bernard Vassallo; miċ-Chairperson tal-Anti-Doping Commission, Maria Mifsud Bonnici, minn National Anti-Doping Coordinator, Ignatius Zammit, u membri oħra tan-NADO.





Leave a comment