Titnieda t-tieni edizzjoni tal-Integrity Tour

Friday, March 2, 2018, 12:15

It-tieni edizzjoni tal-Malta Football Association Integrity Tour tibda nhar it-Tnejn, 5 ta’ Marzu, 2018.

Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni huma mmexxija minn Franz Tabone, l-Integrity Officer tal-MFA, li ser ikun qiegħed iżur it-53 klabb affiljat mal-MFA fix-xhur li ġejjin. L-ewwel MFA Integrity Tour sar fl-2014.

“Dawn il-programmi edukattivi huma meħtieġa biex jgħinu u jattrezzaw lill-plejers u l-uffiċjali b’għarfien dwar kif toqgħod ‘il bogħod mill-perikli li jdawru l-futbol,” qal Tabone.

“Huwa fl-interess tal-klabbs li jattendu għal dawn is-sessjonijiet u jsiru jafu aħjar x’inhuma d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom f’dan ix-xenarju.”

Il-plejers tal-ewwel tim, dawk ta’ taħt id-19 u 17-il sena, kif ukoll l-uffiċjali tal-klabbs, se jkunu qed jieħdu sehem f’dawn is-sessjonijiet obbligatorji.

Il-preżentazzjonijiet qosra se jiffukaw fuq il-Liġi Kriminali u r-regolamenti tal-MFA dwar il-korruzzjoni u l-imħatri illegali.

Dr Angelo Chetcuti, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal: “Aħna nemmnu bis-sħiħ fl-importanza li teduka lil dawk kollha li għandhom rwol fil-logħba u li huwa d-dmir kollettiv tagħna li nikkontribwixxu b’mod attiv f’dan il-proċess.”

Il-klabbs tal-Premier League, Hibernians u Birkirkara, se jospitaw l-ewwel żewġ sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar l-integrità nhar it-Tnejn li ġej.





Leave a comment