TITNIEDA L-ĠIMGĦA EWROPEA TAL-ISPORT

Wednesday, September 20, 2017, 17:12

Illum tnediet il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Din il-ġimgħa hija waħda mill-għodod li l-Kummissjoni Ewropea ikkreat biex tgħin fil-ġlieda favur l-attività fiżika. L-għan ta’ din il-gimgħa hu li kemm jista’ jkun ċittadini Ewropej jintlaħqu mill-messaġġ #BeActive u jiġu ispirati biex l-attività fiżika, sempliċi kemm hi sempliċi, issir parti minn ħajjithom.

SportMalta huwa l-koordinatur Nazzjonali tal-European Week of Sport f’Malta, fejn għat-tielet sena konsekuttiva qed jitħejja programm vast u intensiv t’attivitajiet sportivi li se jilħaq il-gosti ta’ kulħadd.

SportMalta bħala l-koordinatur lokali ta’ din l-inizjattiva, flimkien ma’ għadd kbir ta’ Assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi, entitiatjiet privati, sponsors, NGOs u oħrajn, ħejja programm bil-għan li kemm jista’ jkun nies, b’mod jew ieħor, ikollhom iċ-ċans jiskopru dik l-attività li tgħinhom ikunu attivi fiżikament.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima saħaq: “L-isport u l-attività fiżika regolari huma parti importanti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum peress li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. L-attività fiżika hija assoċjata li ttejjeb il-kunfidenza. Ir-riċerka turi li dan għandu impatt sinifikanti fuq is-saħħa mentali tagħna u, min-naħa l-oħra, is-saħħa fiżika tagħna. L-istħarriġ juri li l-livelli ta’ inattività fiżika f’Malta u madwar l-Ewropa qed jiżdiedu, b’impatt negattiv fuq is-saħħa u l-benesseri tan-nies, kif ukoll fuq l-ekonomija. L-isport u l-attività fiżika tgħin biex iżżommna b’saħħitna biex inkunu nistgħu ngawdu attivitajiet ta’ rikreazzjoni u b’mod sigur nwettqu x-xogħol. Inħeġġeġ lin-nies ta’ kull età biex dejjem jibqgħu attivi.”

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, tkellem dwar kif SportMalta bil-programmi sportivi tagħha qed tikkontribwixxi dejjem biex ikompli jkattar kultura sportiva f’pajjiżna. Huwa għamel referenza għal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja fejn faħħar ix-xogħol li sar minn SportMalta speċjalment temi relatati max-xena sportiva ppreżentati matul is-sitt xhur li Malta kienet fit-tmun. Dr. Busuttil temm id-diskors tiegħu bil-messaġġ li l-isport huwa dritt u għalhekk għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd.

Sar ukoll intervent mill-Ambaxxatur Malti tal-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport, Karl Izzo, li huwa sinonimu max-xena sportiva f’Malta. Huwa tkellem dwar l-esperjenza riċenti tiegħu fejn fi Brussell iltaqa’ mal-ambaxxaturi kollha tal-membri stati u spjega kif kollha qed jaħdmu biex ikattru kultura sportiva fil-pajjiżi rispettivi. Il-kowċ nazzjonali tal-waterpolo temm il-messaġġ tiegħu fejn qal li l-isport u l-attività fiżika ma għandix età u qatt mhu tard biex wieħed jibda jippratika xi tip ta’ sport li hu tant tajjeb għas-saħħa. Karl Izzo ħeġġeġ lill-pubbliku biex minn din il-ġimgħa jieħu l-opportunità u jsib dik l-attività li tgħodd għalih.

Waqt l-attività ta’ dalgħodu ġew elenkati bosta attivitajiet li se jkunu qed jiġu organizzati f’din il-ġimgħa. L-organizzaturi raw li permezz ta’ dan il- programm aktar nies ikunu mħeġġa jipparteċipaw u b’hekk il-messaġġ ta’ SportMalta jitwassal għand aktar u aktar nies li se jingħaqdu f’din l-inizjattivà.

Il-ftuħ uffiċjali se jsir nhar is-Sibt, 23 ta’ Settembru fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa fejn se jkun qed jintlagħab fost oħrajn handballgolfvolleyball u futbol. Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi għal dawn l-attivitajiet kollha li huma kollha mingħajr ħlas.

Imbagħad il-ġimgħa ta’ wara tissokkta b’diversi inizjattivi fosthom futbol, table-tennisbadminton kif ukoll attività f’Għawdex u oħrajn f’diversi skejjel.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tilħaq il-qofol tagħha l-Ħadd, 24 ta’ Settembru b’ċelebrazzjoni tal-għeluq fil-Belt Valletta fejn kulħadd huwa mistieden jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ attività fiżika.

Il-programm qiegħed jiġi aġġornat kontinwament fuq il facebook page

https://www.facebook.com/sportmalta.org.mt

Aktar informazzjoni tinsab fuq is-siti  www.maltabeactive.com u http://ec.europa.eu/sport/week

SportMalta tkompli fil-ħidma tagħha biex l-isport isir parti integrali minn ħajjitna għax żgur li jagħmel ħajja aħjar għal dawk li jippratikawh u li jżommu lilhom innfushom attivi.





Leave a comment