Titlesta l-manutenzjoni fis-saqaf tal- Padiljun tal-iSport f’Kordin

Wednesday, October 15, 2014, 17:30

“Issa l-attività sportiva fil-Padiljun ta’ Kordin tista’ tkompli tul is-sena kollha wara li saret il-manutenzjoni tant meħtieġa fis-saqaf.” Dan qalu llum is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt li inawgura l-proġett. Huwa faħħar il-ħidma sfieqa li jagħmel il-klabb sportiv ta’ Hibernians li jilqa’ fih diversi dixxiplini sportivi differenti, sabiex iżomm ħaj il-padiljun ta’ Kordin u semma kif, speċjalment meta tagħmel ix-xita, l-attivitajiet kien ikollhom jiġu sospiżi.

Ix-xogħol fuq is-saqaf beda f’nofs Awissu li għadda u tlesta ftit tal-jiem ilu. Dan seta’ jsir permezz ta’ fondi li ngħataw mill-gvern wara li dawn kienu allokati fl-aħħar baġit. Kien fl-1986 li nbena dan il-padiljun li jilqa’ fih mhux biss attivitajiet ta’ sport relatati mal-klabb ta’ Hibernians, imma wkoll jintlagħab fih fost l-oħrajn il-kampjonat nazzjonali tal-futsal. Minbarra hekk, il-padiljun jintuża minn diversi entitajiet oħra għall-attivitajiet sportivi li jkunu organizzati tul is-sena.

Għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Hibernians Basketball Club Charles Degiorgio, il-President ta’ Hibernians FC Tony Bezzina u s-Sindku u kunsilliera ta’ Raħal Ġdid.

Intant il-Kunsill Malti għall-Isport għandu skema sabiex tgħin lill-entitajiet sportivi li japplikaw għaliha fil-manutenzjoni tal-faċilitajiet. Din hija biss waħda mill-bosta skemi li joffri l-Kunsill Malti għall-Isport, li jinkludu fost l-oħrajn għajnuna biex jinxtara tagħmir sportiv u għajnuna biex ikunu attirati lejn Malta attivitajiet sportivi li jgħinu fit-turiżmu sportiv.

Din il-ġimgħa kienu 19-il għaqda li bbenefikaw mill-fondi ta’ assistenza msemmija. L-assistenzi ġew ippreżentati miċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Waqt l-istess attività ġew ippreżentati wkoll il-premjijiet u sussidji tal-aħħar regatta, li saret f’Jum il-Vitorja, f’Settembru li għadda. Hawnhekk kienu sebgħa l-klabbs tar-regatta li ħadu xi premju u/jew sussidju.





Leave a comment