Qormi fis-seba` sema

Tuesday, July 30, 2013, 8:40

Minn Robert Busuttil

Rabat u Qormi kisbu rebħiet konvinċenti kontra Vittoriosa u Floriana rispettivament sabiex għalqu l-ewwel fażi tat-Tazza AME li serviet mhux ftit lill-kowċis rispettivi sabiex jippruvaw l-elementi għad-disposizzjoni tagħhom.
Rabat kisbu l-ewwel rebħa tagħhom f’dan it-turnament meta rebħu lil Vittoriosa Stars bl-iskor ta’ 3-1. L-ewwel taqsima kienet kontrollata tajjeb ferm mill-Ġirbin li bdew itellgħu diversi attakki u resqu viċin għal diversi drabi lejn il-lasti tal-gowler Velimirovic. Fil-fatt kienu huma li fetħu l-iskor meta wara sitt minuti logħob is-solitu MARCELO PEREIRA daħal fil-kaxxa u b’xutt preċiż għeleb għal kollox lill-gowler Rabti sabiex skorja r-raba’ gowl tiegħu f’dan it-turnament.
Ir-Rabtin ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda ftit setgħu jinfdu d-difiża soda tal-Birgu.
Iżda fit-tieni taqsima, il-munita daret favur ir-Rabtin meta fid-49 minuta kross tajjeb mil-lemin ta’ Zapata sab lil DIEGO CARILLO PENDAS li b’xutt mill-ewwel ma tax ċans lil Cini isalva sabiex ġab il-gowl tad-dro.
Minn hemm ‘l quddiem, Rabat Ajax ma ħarsux lura u bdew joħolqu ħafna ċansijiet bid-difiża tal-Birgu li ma baqgħetx daqshekk fil-kontroll. Fit-62 minuta DANIEL PALAEZ skorja l-vantaġġ Rabti wara żball difensiv.
Vittoriosa Stars ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda ftit setgħu jagħmlu meta ħames minuti mit-tmiem dabbru t-tielet gowl tagħhom b’xutt ferm tajjeb tas-sostitut JUSTIN FELICE li ċaqlaq ix-xibka tal-Birgu għat-tielet darba u ta rebħa mistħoqqa lit-tim tiegħu.
Fit-tieni partita, Qormi rebħu lil Floriana 3-0 sabiex qabżuhom fl-ewwel post tal-klassifika b’seba’ punti. Qormi bdew b’ritmu tajjeb din il-logħba bl-aħjar plejer tagħhom LEIGHTON GRECH jiftaħ l-iskor fis-27 minuta wara li daħal tajjeb għal kross mil-lemin ta’ Gianluca Nocera.
Floriana ftit setgħu jagħmlu sabiex jippruvaw iniggżu lid-difiża ferm organizzata Qormija.
Eżatt kif fetħet it-tieni taqsima, il-Furjaniżi spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers meta tkeċċa Gary Roberts wara fawl fuq l-avversarju.
Dlonk approfittaw Qormi li wara żball difensiv Furjaniż LEIGHTON GRECH ħalla fil-post żewġ difensuri u b’xutt bomba faqa’ x-xibka għat-tieni darba f’din il-partita.
Hawnhekk il-Qriema ħadu l-kontroll assolut tal-logħba. Ma kinitx sorpriża li s-sostitut MATTHEW BARTOLO jgħaqqad it-tripletta għat-tim tiegħu meta waħdu quddiem il-lasta kkontrolla il-ballun sakemm spara fil-baxx u għeleb lill-gowler Furjaniż Hanford.
Il-klassifika ta’ Grupp B tara lil Qormi fl-ewwel post b’seba’ punti segwiti minn Floriana b’sitt punti. Rabat bir-rebħa li kisbu telgħu għal erba’ punti filwaqt li Vittoriosa Stars kisbu punt wieħed biss.
Il-logħob ikompli nhar il-Ħamis 1 t’Awwissu b’dawn is-semifinali:
18.30 : Floriana vs Balzan.
20.30:  Qormi vs Mosta





3 Comments

  1. Gordon G Camilleri says:

    Jiena nejdlek proset ta dal-rapport detaljat Robert, ghax min hu bhali mhux dejjem ikun jista jarha lit-team tieghu jilghab imnalla tkun site bhal din. Min nahha lohra nejd proset kbira lil-Qormi fc ghax ta lanqas din is sena morna tjjeb fil AME cup u mhux bhas sena lohra .

    [Reply]

  2. Sportinmalta says:

    well done robert for your reports on ame cup – the editor

    [Reply]

  3. J.dimech says:

    Insejtu tajdu li Floriana laghbu b’team li ma kellux 4 players li normalment ikunu mal-ewwel 11….imma msomma drajnikom li ma tistawx ghalina u tbusulna ……….!! Btw Prosit lit-tfal tista tghid li laghbu l-bierah…Come on Greens

    [Reply]

Leave a comment