Timijiet Nazzjonali

Sunday, April 25, 2010, 16:20

Matul din il-ġimgha smajna u rajna divesi aħbarijiet fuq it-timijiet nazzjonali Maltin fil-kategoriji varji. Smajna per eżempju li t-tim nazzjonali tal-kbar niżel tmien postijiet fir- ranking li toħroġ il-FIFA perjodikament, smajna wkoll bit-telf b`gowl minimu li soffrew it-tim nazzjonali Malti taħt it-23 sena, smajna bin-numru ta` telfiet li sofra t-tim nazzjonali Malti taħt is-17-il sena u anke bit-telfa rispettabbli pero xorta telfa li t-tim nazzjonali tan-nisa sofra kontra t-Turkija. Filfatt li jien realistiku biżżejjed u ngħid li Malta hija pajjiż żgħir u għalhekk limitat għal dak li huwa riżorsi umani, jiġifieri players minn fejn tagħżel, inħoss li l-investiment li qed isir fil-futbol ta` pajjiżna, ir-riżultati jistgħu jkunu kemmxejn aħjar. Jidher li hemm xi ħaġa li mhux qed taħdem fis-setturi nazzjonali li mhux għalhekk qed iġibu riżultati. Ma nafx jekk l-MFA tistudjax bis-serjeta r-riżultati li qed iġibu t-timijiet nazzjonali kollha f`dawn l-aħħar snin. Statistika li jekk issejħilha negattiva qed tkun ħanin wisq. U dawn ir-riżultati mhux rifless biss ta` taħrig, iżda rifless ta’ kif qed jiġu preparati l-atleti f`dan il-każ il-players tal-futbol meta jilagħbu kontra l-barranin sew fiżikament u mod partikolari psikoloġikament. Dawn ir-riżultati huma riflessjoni wkoll tal-attitudni ta` wħud biex ma ngħidx il-maġġoranza tal-players li jilagħbu fit-timijiet nazzjonali. Għax hawn Malta, hemm l-attitudni li appena tifel jitla’ jagħmel taħrig Ta` Qali, fis-settur tekniku tal-MFA , allura wasal biex laħaq is-sema. Ma nafx kemm per eżempju qed isir studju ta` kemm players li jibdew it-taħrig tagħhom Ta` Qali, jilagħbu fis-setturi taż-żgħażagħ tal-MFA, imbagħad ma jkomplux il-futbol. Kollha raġunijiet li fl-opinjoni umli tiegħi qed iwassalu sabiex aħna ma niksbux riżultati mal-barranin. Biex imbagħad ma nitkellmux fuq x`qiegħed jiġri fil-Kampjonati Maltin. Immorru per eżempju ġimgħa lura u ħafna bħali segwew b`attenzjoni dik li suppost kienet l-aħjar logħba bejn l-aħjar żewġ timijiet fil-mument: Valletta kontra Birkirkara. Vera li l-partitarji ta` Birkirkara ferħu u ta` Valletta iddejqu wara l-logħba, pero min kien spettatur newtrali nduna li l-livell li pproduċew dawn it-timijiet kien ferm inferjuri minn dak aċċettabbli. Logħba li teknikament ma kienet tgħid assolutament xejn. U bħal dawn il-logħbiet huma ħafna li qed ikollna fil-kampjonat lokali. Ħafna mill-logħbiet fiċ- Championship Pool, u l-maġġoranza assoluta tal-loghbiet fir-Relegation Pool qed ikunu skarsi u huma minn hawn il-players li jilagħbu fit-timijiet nazzjonali. Pajjiż li kważi ma jistax jipproduci players tajbin biżżejjed biex jilagħbu barra l-pajjiż. Meta nħarsu lejn il-preżent, Malta għandha lil Justin Haber u Andre Schembri fl-Ungerija, Andrei Agius f`diviżjoni inferjuri fl-Italja u Daniel Bogdanovic fiċ- Championship Ingliża. Meta nqabblu dak li għandhom pajjiżi oħra żgħar daqsna allura inħossuna mill-ewwel inferjuri. Ftit statistika li ta min wiehed jirrifletti fuqa. Meta tqis l-aħħar għażla ta’ kull kowċ għal kwalifikazzjoni mondjali. Liechenstein kellhom xejn inqas minn seba’ players jilagħbu barra l-pajjiż li minnhom, 4 jilagħbu fl-ewwel diviżjoni fl-Isvizzera u ieħor fl-ogħla diviżjoni Torka. Andorra għandhom 4 players li tnejn minnhom jilagħbu b`mod regolari fl-ogħla diviżjoni tal-Isvizzera u Spanjola rispettivament. Gżejjer Faroe għandhom żewġ players li jilagħbu fl-ogħla diviżjoni fid-Danimarka. Biex imbagħad ma mmorrux għal pajjiż ftit ikbar bħal Iżlanda li fiż-żmien konna nżommu l-pass tagħhom li għandhom tliet players fil-Premiership Ingliż, wieħed fil-Bundesliga, tlieta fl-ogħla diviżjoni fid-Danimarka u tnejn fin-Norveġja u ieħor fl-Iżvezja, barra li għandom xejn inqas minn erbgħa players jilagħbu fil-League Championship l-Ingilterra. Statistika li hija waħda effettiva u li tirrifletti imbagħad dak li qed naraw fil-grawnds tagħna. Malta fl-opinjoni tiegħi hemm bżonn li jsir studju profond u kemm jista’ jkun malajr fuq is-sitwazzjoni tal-logħba u anke fuq il-frott li qed nieħdu minnha. Hemm bżonn li l-prodott b’futbol Malti jkun tajjeb mhux biss għal dawn il-ftit kilometri kwadri , iżda biex nesportawh barra l-pajjiż, hemm bżonn li l-Presidenti kollha tal-klabbs Maltin jinġabru flimkien u jistudjaw kif il-flus kollha li huma u minn buthom jitfgħu fil-loghba jistgħu verament ikunu effettivi u mhux biss biex fl-aħħar ta` Mejju iġibu t-Tazza fil-vetrina uħud minnhom umduża ta` klabbs. Hemm bżonn struttura u hemm bżonn li naraw li din l-istruttura tagħti l-frott. Biex meta l-klabbs Maltin u t-timijiet Nazzjonali jmorru barra, il-brand Malta football tkun rispettata.





Leave a comment