Tikber l-għajnuna lill-għaqdiet minn SportMalta

Wednesday, October 26, 2016, 19:58

Gavin Muscat

SportMalta ħabbret li se tintroduċi skemi ġodda, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-iskemi li diġà huma eżistenti. Informazzjoni dwar dawn l-iskemi ngħatat waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Global College Malta, SmartCity.

Skema ġdida li tħabbret hi dik tal-leave sportiv għas-settur privat, b’dawk li jaħdmu mal-privat jingħataw l-opportunità li jgawdu minn leave speċjali biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Dan il-bżonn inħass wara s-suċċess li kisbet din l-iskema fost il-ħaddiema tal-gvern.

Intant, l-iskemi offruti reġgħu ġġeddu hekk kif l-entità tinsab f’qagħda finanzjarja soda, frott tax-xogħol u d-dedikazzjoni tat-tmexxija, u l-ħaddiema kollha ta’ din l-entità. Dan ir-riżultat wassal biex il-Ministeru tal-Finanzi wera fiduċja akbar u b’hekk kiber il-budget fil-qasam sportiv li qed jiġi amministrat b’mod professjonali u bl-aktar mod trasparenti u ġust.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius spjega li t-twessigħ tal-iskema tal-leave għas-settur privat kien riżultat tal-attività bi-annwali, Gvern li Jisma’.  Din hija xhieda oħra li turi li dan il-gvern verament qiegħed jisma’ u jagħti każ xi jrid il-poplu.

Is-Segretarju Parlamentari żied li sa mill-bidu nett ta’ din il-leġiżlatura ngħatat spinta kbira lid-dipartiment regolatorju biex jieħu l-istatura li kien ħaqqu. Wara proċess twil wasalna issa għall-aħħar stadju fejn ir-regolatur jiġi semiawtonomu.

Huwa spjega li l-ħidma tal-Gvern u ta’ SportMalta mhix se tieqaf hawn, u qed isiru diskussjonijiet anke ma’ entitajiet privati sabiex l-iskema Youth Development Scheme tingħata xejra differenti u aktar serja, b’aktar fondi allokati għaliha. Din hija xhieda ta’ kemm dan il-gvern jemmen fis-settur taż-żgħażagħ u qiegħed jagħmel l-almu tiegħu biex ikompli jinvesti f’dan is-settur.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li rridu nimmassimizzaw ir-riżorsi, mhux biss umani imma wkoll il-faċilitajiet. Postijiet vojta eżistenti jistgħu jiġu trasformati faċilment f’faċilitajiet li jintużaw mill-isportivi Maltin. Huwa żied li SportMalta u l-entitajiet kollha, fosthom l-Università ta’ Malta, għandhom jaħdmu flimkien għax il-kollaborazzjoni hija ta’ ġid għas-soċjetà sportiva.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li b’dawn l-iskemi, SportMalta qed tinvesti ‘l fuq minn żewġ miljun ewro fl-entitajiet sportivi, u jinsab ċert li skemi bħal dawn qed jikkontribwixxu biex jitkattar l-isport professjonali. Madanakollu, saħaq li jixtieq li, permezz ta’ dawn l-iskemi, l-għaqdiet iressqu l-isport tagħhom lejn settur akbar ta’ nies, biex b’hekk ikollhom l-opportunità li jkunu iżjed attivi. Din hija l-missjoni ewlenija ta’ SportMalta, saħaq is-Sur Cutajar – li ċċaqlaq in-nazzjon b’kull mezz possibbli. Huwa kkonferma li SportMalta se tibqa’ tagħmel dak kollu possibbli għall-atleti biex ikunu ppreparati bl-aħjar mod, fil-fatt, ħabbar li fil-jiem li ġejjin se tiġi żvelata skema ġdida b’kollaborazzjoni ma’ kumpanija ewlenija f’Malta li tindirizza b’mod esklussiv liż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena. Id-dettalji ta’ din l-iskema mistennija jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Waqt din l-attività tkellmet Dr Karen Zammit Southerwood, il-Kap tat-Taqsima Regolatorja ta’ SportMalta, li tat spjegazzjoni dwar l-iskemi ta’ SportMalta li ġew ikkonfermati. Hija saħqet dwar l-importanza ta’ governanza tajba fl-għaqdiet sportivi, b’enfasi fuq l-infiq ta’ flejjes pubbliċi li jingħataw lill-għaqdiet sportivi permezz ta’ dawn l-iskemi. L-iskemi huma diversi u jkopru kull livell biex wieħed isib sostenn u b’hekk, jikber l-isport. Fost dawn l-iskemi, wieħed isib l-iskemi tal-infiq kapitali (Capital Expenditure Scheme) u l-Flexi Training Scheme. Aktar dettalji jinsabu fuq is-sit elettroniku www.sportmalta.org.mt. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sad-19 ta’ Diċembru, 2016.

SportMalta tinkoraġġixxi lill-għaqdiet u lil dawk involuti fl-isport biex ikomplu bl-iżvilupp professjonali tagħhom, filwaqt li japplikaw għal dawn l-iskemi li huma għodda b’saħħitha sabiex tikber il-kompetenza professjonali fuq livell internazzjonali.

Chris Agius





Leave a comment