Tibda il-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport

Wednesday, September 9, 2015, 12:22

Gavin Muscat

Illum tnediet il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li hija waħda mill-għodod li l-Kummisjoni Ewropea ikkrejat biex tgħin fil-ġlieda kontra l-inattivita’ fiżika.  L-għan ta’ din il-ġimgħa huwa li kemm jista’ jkun ċittadini ewropej jintlaħqu mill-messaġġ #BeActive u jiġu spirati biex l-attivita’ fiżika, sempliċi kemm hi sempliċi, issir parti minn ħajjithom.

SportMalta li huwa l-kordinatur Nazzjonali tal-European Week of Sport f’Malta, flimkien ma’ bosta klabbs sportivi, entitiatjiet privati, sponsors, NGOs u oħrajn,  ħejja programm vast t’attivitajiet  għal din il-ġimgħa.   F’Malta huwa mistenni li jipparteċipaw il-fuq minn għaxart elef ruħ, f’attivitajiet li ser  ikunu qed jolqtu kemm is-settur edukattiv, il-postijiet tax-xogħol, attivitiajiet sportivi fuq barra kif ukoll attivitajiet f’gyms u klabbs sportivi.

Robert Attard, il-Kordinatur Nazzjonali tal-proġett, elenka d-diversi attivitajiet li qed ikunu organizzati f’din il-ġimgħa, filwaqt li ħeġġeġ biex kemm jista jkun jitwassal il-messaġġ biex aktar u aktar nies jingħaqdu f’din l-inizjattiva.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, tkellem dwar kif l-isport irid isir parti ntegrali minn ħajjitna.  Huwa stqarr ukoll li l-isport jtejjeb il-ħajja ta’ dawk li jippratikawh u li jżommu rwieħhom attivi.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius spjega kif fis-sena skolastika li dalwaqt ser tibda, bil-kollaborazzjoni tal-Health Promotion Unit, ser jkunu organizzati aktar attivitajiet sportivi fil-ħin tal-brejk fl-iskejjel Sekondarji.  Din hija miżura oħra li qegħda tittieħed fil-ġlieda kontra l-obeżita u l-ħajja inattiva.  Huwa aċċenna għat-tiġrijiet tar-Regatta ta’ għada li kienu nkorporati fil-ġimgħa Ewropeja tal-Isport.   Is-Segretarju Parlamentari spjega kif għall-ewwel darba fl-istorja, l-Għaqda Regatta Nazzjonali kienet rikonoxxuta mill-Assoċjazzjoni dinjija tal-Qdif (FISA).  L-Għaqda Regatta Nazzjonali din is-sena ingħatat s-setgħa li torganizza r-Regatta Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, bil-loġistika u l-ispejjeż kollha relatati nklużi l-premjijiet jkunu sostnuti mill-Kunsill Malti għall-Isport.  Dan jixhed kemm il-Gvern jemmen f’din l-għaqda u f’dan l-isport tradizzjonali.

Fost l-attivitajiet prinċipali SportMalta estenda Summer on the Move b’ġimgħa b’xejn għal kulħadd, fejn ingħatat ukoll il-possibilita’ lil kull parteċipant li għal din il-ġimgħa, jistieden persuna jew aktar biex jattendu b’xejn għall-attivitajiet kollha f’dan il-programm.  Millum tibda wkoll ġimgħa sħieħa ta’ sport fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa fejn ser ikun qed jintlagħab beach rugby, handball, golf, badminton, volleyball u soccer.  Aktar tard din il-ġimgħa, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Olimpiku Malti, kif ukoll mal-Kunsill Lokali, ser ikun qed jitpoġġa ramel addattat għall-prattika ta’ beach sports f’Birżebbuġa li ħa jagħmilha aktar faċli biex jkunu pprattikati dixxiplini varji.

Għada ser issir l-Maltco Indoor Rowing Challenge, attivita’ nnovattiva bil-ħsieb li tikkumplimenta r-regatta nazzjonali, u tressaq aktar nies lejn l-isport tal-qdif.  Il-fuq minn 120 ruħ, fosthom, tfal, anzjani, atleti stabbiliti, persuni b’abbiltajiet differenti u oħrajn, ser ikunu qed jieħdu sehem f’din l-attivita’ li ser issir fil-ponta tal-Isla mit-08:30 il-quddiem .

L-attivitajiet jissoktaw matul il-ġimgħa kollha u jkopri diversi dixxiplini sportivi.   Din il-ġimgħa tasal fi tmiemha b’festa ta’ attivitajiet fiżiċi u sportivi fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa fejn  kulħadd  ser ikun qed jingħata ċ-ċans biex jipparteċipa.  Barra dan kollu, SportMalta ikkreja video biex iħajjar lill-ħaddiema fl-uffiċini biex ikunu aktar attivi fuq il-post tax-xogħol bl-iktar mod sempliċi u bl-inqas tfixkil.

Il-programm qiegħed jiġi aġġiornat kontinwament fuq il-paġna tal-Facebook:  https://www.facebook.com/pages/Sport-Malta/648663828587817?fref=ts

____________________________________________________________________________________________________________________________________

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 





Leave a comment