- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Thomas Borg ippreżentat bl-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Mejju

Posted By Sportinmalta On June 18, 2020 @ 8:10 am In Featured,Other | No Comments

L-Atleta Paralimpiku Thomas Borg rebaħ l-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Mejju hekk kif hu ntagħżel bħala wieħed mill-atleti li bil-perseveranza tiegħu baqa’ attiv u pożittiv waqt il-pandemija COVID-19.

Borg li għandu 18 –il sena twieled b’Dysmelia f’idu l-leminija u beda l-avventura tiegħu fl-għawm kompettitiv fis-sena 2015 taħt il-gwida tal-kowċ Ebi Ebidaniad. Qabel beda l-għawm hu kien jilgħab regolarment il-futbol man-Nursery ta’ Melita AFC.

Wara perjodu jittrenja l-għawm hu kien magħżul biex jifforma parti mit-team Nazzjonali tal-Para Swimming taħt it-tmexxija tal-kowċ Isabelle Zarb fejn idebutta f’kompetizzjoni internazzjonali f’Istanbul it-Turkija.

Wara sena jitħarreġ bis-serjeta’ hu ngħaqad mal-Club ta’ Neptunes sakemm ikkwalifika uffiċjalment bħala għawwiem taħt ir-rekwiżiti tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali fejn beda jikkompeti f’meetings internazzjonali paralimpiċi tal-għawm.

Wara, taħt il-gwida tal-kowċ Edward Caruana Dingli mal-Club ta’ Exiles, Borg ikkompeta f’żewġ kompetizzjonijiet internazzjonali fl-Italja kif ukoll fil-kampjonat tad-Dinja tal-Għawm Paralimpiku f’Londra fl-Ingilterra.

F’dawn l-aħħar xhur Thomas reġa’ beda jittrenja taħt l-ewwel kowċ tiegħu Ebidaniad fl-Inspire Foundation fejn wara l-aħbar li ġew posposti l-Paralimpijadi ta’ Tokyo 2020 għas-sena d-dieħla issa hu se jiffoka sabiex jipprova jikseb il-kwalifikazzjoni bil-mertu.

Matul dawn l-aħħar xhur Thomas Borg kien ta’ ispirazzjoni għal diversi għawwiema u atleti Paralimpiċi hekk kif baqa’ attiv bit-taħriġ tiegħu. Dan hu l-ħames unur li qed jingħata lill-atleti żgħażagħ Maltin minn mindu kien varat dan l-unur b’inizjattiva konġunta bejn il-Malta Sports Journalists Association u l-kumpanija Atlas Insurance.

Ir-rebbieħa tal-unuri preċedenti kienu l-Isprinter Rachela Pace li rebħet l-ewwel unur ta’ Jannar 2020, il-player tal-Pool Dejan Grech li rebaħ l-unur fix-xhar ta’ Frar, il-Weightlifter Tenishia Thornton li rebħet l-unur ta’ Marzu u Jake Vella li rebaħ l-unur ta’ April 2020.

Il-Malta Sports Journalists Association ta’ kull xahar tistieden atleti taħt il-21 sena kif ukoll assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi li jixtiequ jitfgħu nominazzjoni għal dan l-unur billi jibgħatu email fuq info@maltasportsjournalists.com

Il-preżentazzjoni tat-trofew tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Mejju  lil Thomas Borg  flimkien mal-voucher minn stabbiliment ta’ materjal sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur saret minn Matthew von Brockdorff Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. Għall-preżentazzjoni attendew ukoll il-President tal-Moviment Paralimpiku ta’ Malta l-Professur Joseph Grima kif ukoll uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

 

 

 

 

Ritratt: Thomas Borg bit-trofew tal-Atlas Youth Athlete of the Month għal Mejju. Jidher fir-ritratt ukoll Matthew von Brockdorff  Chief Executive Officer ta’  Atlas Insurance u Lorraine Cunningham Segetarja Ġenerali tal-Malta SJA fost oħrajn.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/thomas-borg-ipprezentat-bl-unur-tal-atlas-zaghzugh-tax-xahar-ghal-mejju/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.