Tberik tal-annimali waqt l-Equestrian Festival ta’ nhar il-Ħadd

Thursday, April 22, 2010, 18:45

Bħala parti mill-Equestrian Festival li qed jiġi organizzat mill-Kunsill Malti għall-iSport bil-koperazzjoni tal-Malta Racing Club, il-Malta Equestrian Federation u l-Malta Polo Club li ser isir nhar il-Ħadd li ġej 25 ta’ April fil-Korsa tal-Marsa, il-Malta Racing Club ser ikun qed jorganizza tberik taż-żwiemel u l-annimali.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jiġi bil-pets tiegħu fit-8.30 ta’ filgħodu fil-korsa tal-Marsa. It-tberik huwa skedat li jibda fit-8.45 ta’ filgħodu. Ir-reġistrazzjoni tal-pets hija mingħajr ħlas.

Bħala attrazzjoni waqt dan it-tberik ser ikun hemm il-parteċipazzjoni ta’ żwiemel armati bi xrieret tradizzjonali. Mat-tmiem tat-tberik, il-Malta Racing Club ser jissokta bil-programm fejn jitkomplew it-tiġrijiet magħrufa bħala tal-ponijiet.

Il-Malta Racing Club ilu jorganizza dawn it-tip ta’ tiġrijiet sa minn Jannar 2009. Sa issa il-klabb għandu reġistrati fi ħdanu 280 pony. Matul is-sena 2009, il-Malta Racing Club organizza xejn anqas minn 716-il tiġrija tal-ponijiet li huma maqsuma f’556 tiġrija normali u 160 challenge cup.

Wara qbil bejn il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti u l-Kunsill Malti għall-iSport, il-Malta Racing Club qiegħed jorganizza t-tiġrijiet tradizzjonali tal-Imnarja, tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ Santu Rokku. L-ewwel tiġrija tal-ponijiet tibda fis-7.30 ta’ filgħodu.

Matul l-Equestrian Festival ser ikun hemm il-parteċipazzjoni tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. Id-dħul għal dan il-festival ser ikun ta’ €2.50 kull persuna għall-ġurnata kollha filwaqt li t-tfal sa 12-il sena jidħlu mingħajr ħlas. Il-parkeġġ fiż-żona mhux problema.





Leave a comment