Taylon ta’ Hibernians jirbaħ il-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru 2018

Friday, January 11, 2019, 15:32

Taylon Nicolas Correa Marcolino ta’ Hibernians huwa l-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru 2018.

Il-plejer ta’ 23 sena minn Carmos des Minas fil-Brażil issiġilla dan l-unur meta skorja 3 mill-4 gowls ta’ Hibernians matul ix-xahar ta’ Diċembru u għenhom jitilgħu fil-quċċata tal-Kampjonat BOV Premier flimkien mal-Gżira fl-aħħar tas-sena.

Taylon fetaħ l-iskor għall-Hibs fir-rebħa tagħhom ta’ 2-0 fuq Senglea, meta l-gowler ta’ Senglea laqa’ x-xutt ta’ Bezzina imma ma żammux, b’Taylon jaħtaf l-okkażjoni mir-rebound u jitfa’ fix-xibka.

Meta kienu 1-0 minn taħt kontra Balzan, Taylon twaqqa’ fil-kaxxa minn Serrano Valero u ma żbaljax mill-penalty biex ġab il-gowl tal-parità. Hekk kif għal darb’oħra kienu 2-1 minn taħt, Taylon irċieva tqassima tajba mingħand Fonseca, u filwaqt li ma nqabadx fin-nassa tal-offside qabeż b’ħeffa lill-gowler li ħareġ għall-ballun biex reġa’ ġab l-iskor ta’ parità mal-avversarji.

Geoffrey Ghigo, Kap Eżekuttiv fil-Bank of Valletta ppreżenta t-Trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru 2018 lil Taylon li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.





Leave a comment