Tasal l-ewwel rebħa ta’ Floriana Cafè Del Mar

Monday, January 19, 2015, 17:13

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 67

Floriana Cafè Del Mar 91

(20-20)(14-17)(17-26)(16-28)

Floriana Cafè Del Mar kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Pavi Depiro 91-67. Mario Tabone seta’ finalment ikollhu l-iskwarda kompluta bl-eċċezzjoni ta’ Marco Mercieca u l-Amerikan Mark Henniger beda jidra l-logħba Maltija u jikkombina tajjeb ma’ sħabu. Depiro li kellhom lil Daniel Farruga, Nicholas Grech u Samuel Zammit nieqsa żammew il-pass mal-avversarji fl-ewwel żewġ sessjonijiet però Floriana bdew iżidu l-vantaġġ mit-tieni sessjoni ‘l quddiem. Il-partita bdiet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin bid-Depiro jibdew bi trippla ta’ Timothy Zammit fil-waqt li Floriana kellhom il-punit ta’ Henniger u trippla ta’ Nigel Sultana. Depiro ħadu l-vantaġġ wara l-punti ta’ Sasson Saakian u trippla oħra ta’ Zammit però qabel intemmet is-sessjoni, Floriana wieġbu b’basket ta’ Lee Ross biex ġabu l-iskor indaqs 20-20. Fit-tieni perjodu kien Kurt Xuereb li bi trippla reġa’ poġġa lil Depiro fuq quddiem. Hawn beda dieħel aktar fuq il-partita l-Amerikan Henniger li għamel kważi l-punti kollha ta’ Floriana u fis-seba’ minuta kienu 33-29 minn fuq. Depiro kellhom il-punti ta’ Marco Todorovic biex Floriana daħlu jistrieħu 3 minn fuq 37-34.

Wara l-intervall Floriana kellhom bidu tajjeb meta bdew b’run ta’ 11-2 fejn kellhom trippla ta’ Ross u l-punti ta’ Sultana, Henniger u Nikola Vasovic. Todorovic wieġeb għal Depiro flimkien ma’ trippla ta’ Saakian. Floriana għamlu seba’ punti oħra fosthom trippla ta’ David Camilleri. Xuereb kellu trippla oħra għal Depiro però Floriana temmew is-sessjoni 63-51 minn fuq. Floriana fetħu l-aħħar taqsima b’żewġ trippli oħra minn Sean Borg u Camilleri bi Xuereb u Darryl Schembri jwieġbu għal Depiro. Floriana kellhom trippla oħra minn Camilleri flimkien ma’ Henniger fil-waqt lil għal Depiro Zammit kiseb diversi punti oħra fosthom trippla. Camilleriu u Clayton Calleja għamlu l-aħħar punti ta’ Floriana li rebħu l-partita 91-67.

Pavi Depiro: J. Attard 2, D. Schembri 5, R. Rizzo, T. Zammit 23, M. Todorovic 15, R. Zammit, K. Xuereb 11, M. Borg 4, S. Saakian 7.

Floriana Cafe Del Mar: M. Henniger 40, D. Camilleri 15, N. Sultana 14, S. Borg 3, L. Ross 5, N. Vasovic 6, C. Calleja 2, D. Schembri 6, S. Detemmermann, O. Shamala, D. Agius.

Referees: Emanuel Mangani, Gordon Barbara, Clive Terribile.

AtoZ Electronics Athleta 90        

Bupa Luxol 63

(17-14)(27-15)(23-13)(23-21)

Ic-champions AtoZ Electronics Athleta baqgħu l-uniku team bla telfa fil-kampjonat meta għelbu lil Bupa Luxol 90-63. Athleta kienu superjuri u kkonfermaw il-qawwa tagħhom f’din il-partita bi players bħal Omar Said u Chad Patus ikomplu bil-mument posittiv tiegħu. L-Amerikan ta’ Luxol Thomas Staton kellhu partita kwieta fejn kien ikkontrollat tajjeb mid-difiża tal-Athleta u kellhom nieqes lil Abraham Portelli . Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti ta’ CJ Cordina u Staton. Athleta wieġbu bi tmien punti konsekuttivi b’żewġ baskets ta’ Patus, Said u Michael Naudi. Luxol kellhom il-punti ta’ Stefan Capello qabel ma Said kellhom trippla għall-Athleta li temmew is-sessjoni 17-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol għal darbtejn naqqsu d-distakk għal punt. Hawn Athleta kellhom run ta’ 8-2 bi trippli ta’ Said u Roderick Vella u komplew bi tmien punti konsekuttivi ta’ Patus. Luxol waqqfulhom ir-run bi trippla ta’ Jean Paul Schembri però mmedjatament wara Vella wkoll għamel trippla għall-Athleta. Fl-aħħar minuta, Athleta kellhom ħames punti oħra fosthom trippla ta’ Andrew Aquilina biex daħlu jistrieħu 44-29 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta komplew b’aktar punti u bdew bi break ieħor ta’ 11-2 bit-tieni three pointer ta’ Aquilina flimkien ma’ Naudi u Patus. Staton bdew jwieġeb għal Luxol iżda l-punti tiegħu ma ġewx b’mod konsistenti . Athleta kellhom il-punti ta’ Said u Isaac Tanti biex temmew it-taqsima 67-42 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Athleta kellhom trippla oħra ta’ Said flimkien ma’ Patus u Naudi. Iż-żagħżugħ Matthew Gouder ukoll niżżel ismu fost l-iskorers u kien hemm il-punti ta’ Aquilina biex Athleta rebħu l-partita 90-63.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 14, R. Vella 6, F. Mifsud Bonnici, C. Patus 25, A. Aquilina 15, M. G. Montaldo 1, O. Said 17, M. Gouder 6, I. Tanti 6.

Bupa Luxol: CJ Cordina 17, J. Willoughby, JP Schembri 3, N. Andrejevic, S. Visser, T, Staton 30, A. Micallef Trigona 6, JP Bonnici 4, S. Capello 6.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Emanuel Mangani.





Leave a comment