Tasal l-ewwel rebħa ta’ Tata Motors Loyola

Wednesday, January 12, 2011, 9:08

minn Colin Schembri

Basketball Irġiel - Kampjonat L-Ewwel Diviżjoni

Depiro Mtarfa 51
Tata Motors Loyola 56
(11-13)(15-9)(15-17)(10-17)

Tata Motors Loyola ma setgħux jibdew is-sena 2011 aħjar  meta fil-bidu tat-tieni round tal-kampjonat għelbu lil Depiro Mtarfa 56-51. Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Loyola fil-kampjonat pero huma kienu diġa għelbu lil Depiro fil-logħob tax-shield. Loyola ħasdu lil Depiro b’run ta’ 11-0 inkluża l-ewwel trippla ta’ Billy Zammit. Fis-sitt minuta bdiet ġejja r-reazzjoni ta’ Depiro mibdija minn Malcolm Mallia li rathom inaqqsu d-distakk għal żewġ punti fi tmiem is-sessjoni 11-13. It-tieni perjodu fetaħ bi three pointers fuq kull naħa bi Stefan Vella u Zammit iħallu lil Loyola fuq quddiem 19-15. Depiro marru għall-ewwel darba minn fuq fis-seba’ minuta meta basket ta’ Andrew Aquilina poġġijhom 22-20 minn fuq. Loyola ppareġjaw b’basket ta’ Joshua Anastasi pero’ kienu Depiro għamlu l-aħħar erba’ punti biex daħlu jistrieħu 26-22 minn fuq. Wara l-mistrieħ, trippla ta’ Jean Paul Schembri kabbret il-vantaġġ ta’ Depiro għal 5 punti 29-25. Pero’ Loyola baqgħu viċin u bi break ta’ 9-4 ippareġjaw fuq skor ta’ 33 punt kull team. Hekk kif Depiro reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 39-34, Sean Pace wieġeb bi trippla għal Loyola u fi tmiem il-perjodu kien hemm biss basket jifred liż-żewġ timijiet bid-Depiro 41-39 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Depiro dehru li ħadu vantaġġ komdu meta f’nofsha basket ta’ David Bugeja poġġihom 6 punti minn fuq 50-44. Reġa’ kien Zammit li ressaq lil Loyola viċin u fl-aħħar minuta u nofs kien hemm parita 51-51. Fl-aħħar 47 sekonda basket ta’ Jovan Mihailovic ta l-vantaġġ lil Loyola 53-51 pero’ Depiro kien għad kellhom ċans ta’ attakk. Huma tilfu l-freethrows li kellhom biex fl-attakk ta’ wara ġew ikkastigati bi trippla ta’ Mihailovic u Loyola rebħu l-partita 56-51.

Depiro Mtarfa:  R. Vella 10, J.P. Schembri 3, D. Bugeja 6, A. Aquilina 12, J. Gatt 4, E. Lupo 11, M. Mallia 4, I. Tanti 1, G. Mercieca.

Tata Motors Loyola: S. Pace 6, B. Zammit 15, D. Camilleri, S. Borg, L. Azzopardi, F. Nicastro, S. Vella 6, A. Axiaq 6, J. Mihailovic 13, J. Anastasi 3, J. Ransley 3, A. Tabone 4.

Referees: Bernard Vassallo, Jean Paul Sammut, Emanuel Mangani

A to Z Electronics Athleta 92

Bupa Luxol 63
(18-18)(23-17)(17-13)(34-15)

Fit-tieni partita A to Z Electronics Athleta għelbu lil Bupa Luxol 92-63. Iż-żewġ timijiet kellhom player nieqes fejn għal Athleta kien nieqes Dirk Schembri fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Nikola Vasovic. Il-partita kienet għada bilanċjata u miftuħa sa tmiem it-tielet sessjoni pero’ Athleta ddominaw l-aħħar waħda. Petar Apcev fetaħ il-logħba bi trippla għal Luxol bl-Athleta jwieġbu bil-baskets ta’ Michael Naudi u Adison Bonnici fost l-oħrajn u fis-sitt minuta kienu 9-7 minn fuq. Trippla oħra ta’ Apcev kienet imwieġba b’waħda ta’ Steve Schembri. Wara three pointer ta’ Robert Azzopardi għal Luxol, Athleta għamlu break ta’ 6-2 pero’ Apcev ippareġja l-logħba  fl-aħħar attakk ta’ Luxol 18-18. It-tieni perjodu fetaħ bil-punti ta’ Antoine Costa għal Luxol b’Omar Said iwieġeb bi trippla għall-Athleta. Athleta mbagħad għamlu run ta’ 9-0 u marru 30-23 minn fuq. Ir-risposta ta’ Luxol kienet immedjata u ġiet mil-punti ta’ Azzopardi u Apcev biex naqqsu d-distakk għal punt 32-33. Athleta għalqu s-sessjoni bi break ta’ 8-3 biex daħlu jistrieħu 41-35 minn fuq.

Wara żewġ minuti tat-tielet perjodu Athleta fetħu bi trippla ta’ Bonnici. Baskets ta’ Andrew Cremona u Azzopardi reġgħu ressqu lil Luxol viċin pero’ b’run ta’ 6-0 Athleta fetħu vantaġġ ta’ 11-il punt 50-39. Luxol wieġbu bi trippli ta’ Azzopardi u Apcev ġew 4 minn taħt 48-52. Pero fl-aħħar minuta Athleta għamlu żewġ trippli ta’ Etienne Bezzina u Said biex temmew is-sessjoni 10 minn fuq 58-48. L-aħħar sessjoni fetħet bi trippla oħra ta’ Said qabel ma tkeċċa Marco Mercieca ta’ Luxol. Iktar punti ta’ Said komplew ikabbru l-vantaġġ ta’ Athleta 70-53 fir-raba’ minuta. Fis-seba’ minuta Athleta bdew run ta’ 15-5 fejn ġie mkeċċi wkoll Azzopardi u Athleta rebħu l-partita 92-63.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 18, J. Zammit 2, E. Bezzina 7, C. Galea, O. Said 29, C. Calleja 3, A. Bonnici 18, K. Baldacchino 6, S. Schembri 9.

Bupa: C.J. Cordina, M. Mercieca, R. Azzopardi 21, A. M. Trigona, P. Apcev 28, A. Costa 8, T. Paris, A. Cremona 4, E.C. Montalto, J.P. Bonnici 2, S. Mizzi.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Clive Terribile. 

Klassifika Kampjonat Irgiel
Team Logħob Rebħ Telf Punti
A to Z Electronics Athleta 5 5 0 10
Siggiewi Derby 4 3 1 7
Bupa Luxol 5 2 3 7
Depiro Mtarfa 5 1 4 6
Tata Motors Loyola 5 1 4 6




Leave a comment