Tarabai l-ispirazzjoni għar-rebħa Pawlista

Tuesday, September 17, 2013, 9:36

Minn Robert Busuttil


Hibernians …………..4

Rabat Ajax …………..1

 

Id-dwell bejn iż-żewġ timijiet li jilbsu l-istess kulur, iswed u abjad, rebħuh b’mod nett il-Pawlisti, li għalkemm sabu ruħhom minn taħt ġabru l-forzi kollha li kellhom u skorjaw erba’ gowls li ħallew lir-Rabtin xi ftit issummati.

B’din ir-rebħa, Hibernians qabżu fl-ewwel post tal-klassifika waħedhom u għadhom l-uniku tim b’rekord ta’ mija fil-mija wara erba’ logħbiet.

Iż-żewġ timijiet kellhom xi plejers neqsin, b’Jonathan Pearson u Bjorn Kristensen għall-Pawlisti u Dylan Falzon u Joseph Caruana għar-Rabtin.

Ta’ nota kien ir-ritorn tal-plejer Rabti Adam Smeir wara nuqqas ta’ ħdax –il xahar minħabba injury. Huwa daħal fit-tieni taqsima fost iċ-ċapċip ta’ nkoraġġiment mill-pubbliku Rabti preżenti fl-Istadium Nazzjonali.

Lanqas laħqu għaddew seba’ minuti li l-Magpies fetħu l-iskor. Kien korner mix-xellug tal-Ispanjol Diego Carillo Pendas li ġiegħel lil Muscat jippanċja iżda DIEGO PALAEZ sab il-ballun f’saqajh u b’volley mill-isbaħ tefa’ fix-xibka.

Ir-risposta Pawlista waslet għaxar minuti wara meta xutt ta’ Marcelo Dias ġie milqugħ b’mod tajjeb minn Velimirovic.

Dan kien il-preludju għal gowl li wasal fit-32 minuta. Kien frikik perfett ta’ Jackson Lima u wara żball difensiv approfitta LUIS EDISON DOS SANTOS li bir-ras xeħet ġewwa.

Il-Pawlisti komplew jittantaw xortihom b’xuttijiet ta’ Marcelo Dias u Clayton Failla sakemm fis-57 minuta kross ta’ Failla mix-xellug sab lil JACKSON LIMA li b’xutt mill-ewwel issorprenda lil Velimirovic u poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.

Hawnhekk ir-Rabtin stordew bl-azzjonijiet tal-avversarji u ma kinitx sorpriża li qalgħu t-tielet gowl meta fil-61 minuta,  wara taħwida fil-kaxxa kien ANDREW COHEN li xellef il-ballun u ċaqlaq ix-xibka Rabtija.

U fl-aħħarnett fis-70 minuta kien EDISON LUIS DOS SANTOS li ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu biex b’hekk kompla jiskorja gowls importanti għat-tim tiegħu.

It-tisfira finali tar-referi Malcolm Spiteri rat lil Hibernians jifirħu b’dan ir-raba’ suċċess u kkonfermat li huma se jkunu għal darb’oħra kandidati serji għar-rebħ tal-Kampjonat.





Leave a comment