Taħriġ tat-Thai Boxing għal Ying Yang Kickboxing

Sunday, June 12, 2011, 9:00

F’Mejju membri tal-klabb tal-Ying Yang Kickboxing marru l-Belġju sabiex jieħdu sehem f’seminar ta’ erbat ijiem taħriġ fit-Thai Boxing. Dan sar sabiex ikabbru l-għarfien tagħhom f’din id-dixxiplina u bħala tħejjija għall-kompetizzjonijiet tal-K1 li ġejjin.
 
Master Noel Mercieca, il-fundatur tal-Ying Yang Kickboxing, flimkien ma’ erba’ studenti ngħataw taħriġ miċ-Ċampjin tad-Dinja tat-Thai Boxing Osman Yigin. It-tim Malti kien jinkludi Master Noel Mercieca, Daniel Zahra, Reuben Azzopardi, Nicholas Ellul u Isaac Chetcuti.
 
Osman Yigin huwa ċampjin f’bosta dixxiplini, bħal Thai Boxing, Kickboxing u K1 Kickboxing u huwa meqjus bħala eroj fil-belt fejn joqgħod. Osman jiffoka l-aktar fit-taħriġ ta’ atleti professjonisti tat-Thai Boxing li bosta minnhom għandhom ukoll Ċinturini tat-Titlu fuq livell Ewropew kemm ukoll Dinji.
 
Is-seminar kien jikkonsisti f’żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ kuljum fejn kull sessjoni kienet tvarja bejn sagħtejn u tliet sigħat. Dan kien ta’ esperjenza pożittiva għall-atleti Maltin hekk kif huma kellhom taħriġ fuq livell professjonali. Matul it-taħriġ l-atleti Maltin żammew ras imb’ras ma’ dawk Belġjani hekk kif Osman beda jagħti l-eżerċizji normali tiegħu.
 
Master Mercieca rċieva għarfien tekniku fuq livell professjonali mingħand Osman fir-rigrward ta’ kif isiru ċerti tekniki tat-Thai Boxing u tipi differenti ta’ taħriġ. Dan is-seminar serva wkoll bħala tħejjija għall-kompetizzjoni tal-K1 tal-World Kickboxing Network (WKN) li jmiss fejn Daniel Zahra u Terence Cilia se jirrappreżentaw lil Malta f’Ċipru fl-10 ta’ Ġunju.
 
Bħalissa l-assoċazzjoni Maltija tal-Kickboxing (MKBA) qed torganizza l-Kampjonati Maltin tal-Kiclboxing u tal-K1 li ser isiru fit-28 ta’ Ġunju. Għal aktar informazzjoni dwar il-Kampjonat u s-sessjonijiet tat-taħriġ żuru s-sit www.yingyangkickboxing.com jew ikkuntatjaw lil Master Noel Mercieca fuq 79208283 jew merciecanoel@yahoo.co.uk





Leave a comment