Table Tennis għaż-żgħażagħ fil-programm #OnTheMove Skolasport

Monday, April 11, 2016, 19:22

Gavin Muscat

Minbarra li joffri attività fiżika tajba ħafna, table tennis hu wkoll eżerċizzju mentali tajjeb. Dan għaliex wieħed ikun irid jippjana strateġiji u jiddeċiedi x’tip ta’ spin ser jagħti lil ballun, filwaqt li jibqa’ pass ’il quddiem mill-avversarju u jirreaġixxi mill-ewwel. Id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu fi ftit sekondi. Dan iservi biex tiżdied il-konċentrazzjoni, filwaqt li ttejjeb l-memorja u l-ħila li tieħu deċiżjonijiet.

Dan kien spjegat minn Kevin Gatt, Kowċ ma’ #OnTheMove Skolasport, li jmexxi s-sessjonijiet tat-table tennis kull nhar ta’ Ħamis fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Table tennis hu sports fejn żewġ jew erba’ plejers jolqtu ballun ħafif biex jaħbat mal-mejda u jmur għand il-plejer l-ieħor permezz ta’ paletta (racket) żgħira.

L-aqwa plejers tat-table tennis huma fost l-aħjar atleti fid-dinja. Mandakollu, dan l-isports jista’ jigawda min-nies ta’ kull età u abbilità fiżika. Il-programm għandu l-għan li jkun divertenti u innovattiv għal parteċipanti ż-żgħar.

#OnTheMove Skolasport, li hu organizzat minn SportMalta u sponsorjat minn Kellogg’s, joffri firxa ta’ opportunitajiet biex jiżdied in-numru ta’ tfal u żgħażagħ li jesperjenzaw u jilgħabu sports ta’ kwalità f’għadd ta’ kumplessi sportivi mifruxa ma’ Malta. Table Tennis hu biss wieħed mill-ħafna sessjonijiet ta’ sports offruti mill-programm.

Minbarra l-Kumpless Sportiv f’Ħal Kirkop, il-programm #OnTheMove Skolasport joffri taħriġ f’għadd ta’ kumplessi sportivi u lokalitajiet fosthom il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, il-Kumpless Sportiv Tal-Qroqq, il-Kumpless Sportiv ta’ Kottonera, il-Kulleġġ ta’ San Injazju f’Tal-Ħandaq, il-Kulleġġ Marija Reġina fil-Mosta, u l-Kulleġġ ta’ Santa Klara f’Pembroke biex jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jipprattikaw l-isport favorit f’post qrib il-lokalità tagħhom.

Kellogg’s ilha tisponsorja l-programm  #OnTheMove Skolasport matul dawn l-aħħar 16-il sena, bħala turija ta’ impenn biex tippromwovi stil ta’ ħajja li hu tajjeb għas-saħħa permezz ta’ dieta bilanċjata u eżerċizzju fost il-komunità Maltija.

Għal iktar tagħrif dwar il-klassijiet tat-table tennis jew dixxiplini oħra wieħed jista’ jikkuntattja lis-Sezzjoni tal-Programmi fl-uffiċċju ewlieni ta’ SportMalta fuq tel. 2203 6000, jew bl-imejl: programmes@sportmalta.org.mt, inkella jżur il-websajt: www.sportmalta.org.mt

Ritratt 1-2: Fl-aħħar tas-sessjoni, il-grupp jinqasam f’timijiet differenti u jilgħabu serje ta’ logħob biex itejbu l-ħiliet tagħhom

Ritratt 1-2: Fl-aħħar tas-sessjoni, il-grupp jinqasam f’timijiet differenti u jilgħabu serje ta’ logħob biex itejbu l-ħiliet tagħhom





Leave a comment