Table Football World Grand Masters f’Għawdex

Monday, November 15, 2010, 17:00

F’konferenza stampa li saret fil-bini tas-Segretarjat għaż-Żgħażagħ u Sport, il-Malta Table Football Sports Association ħabbret id-dettalji dwar l-organizazzjoni tal-FISTF World Grand Masters li wasal fis-6 edizzjoni tiegħu.

Silvio Catania, President tal-FISTF fetaħ il-konferenza stampa billi spjega kif l-kompetizzjoni Masters bdiet b’idea tal-Belġjan Olivier Pere li fl-1999 kien jokkupa l-kariga ta’ Sports Director tal-FISTF u li illum qed jerġa’ jokkupa din l-istess kariga. Huwa żied li l-ewwel edizzjoni kienet saret f’Leverkusen, il-Ġermanja u minn dak iż-żmien baqgħat issir għall-ewwel tnax-il player tar-ranking mondjali. Catania, kompla jgħid illi l-FISTF rat potenzjal ta’ tibdil għal dak li huwa l-ispettaklu u wkoll il-promozzjoni tal-isport. Aktar kmieni din is-sena, meta Malta applikat biex tagħmel il-Masters ma kien hemm l-ebda ħsieb ta’ tibdil, iżda wara il-board tal-FISTF mmexxi minn Catania nnifsu biddel il-format għal dak li se jkun qed isir l-ewwel darba f’Għawdex fis-27 ta’ Novembru.

Mill-lemin Silvio Catania, Clyde Puli, Giovanna Debono u Tony Sapiano

Mill-lemin Silvio Catania, Clyde Puli, Giovanna Debono u Tony Sapiano

Il-format għal din is-sena jinkorpora fih dawk kollha li xi darba rebħu titlu mondjali fil-kategoriji Open u/jew Veterani. Dan għandu jwassal biex il-Grand Master tkun kompetizzjoni riservata għal dawk li rebħu l-għola titlu mondjali. Il-President tal-FISTF spjega ukoll kif Mark Gauci, player Malti rebaħ id-dritt li jikkompeti bħala captain tat-tim Nazzjonali li rebaħ il-midalja tad-deheb f’Settembru li għadda u wkoll għax kiser rekord nazzjonali ta’ tliet kampjonati Premier konsekuttivi.

Anthony Sapiano, President tal-MTFSA qal li għall-assoċjazzjoni Maltija huwa unur li Malta ġiet fdata b’dan il-format il-ġdid. Huwa żied ukoll li għal Malta hemm unur ieħor marbut ma’ din il-kompetizzjoni. Huwa semma’ kif Malta hija l-ewwel pajjiż f’għaxar snin li ġie mogħti lilu d-dritt li jorganizza din il-kompetizzjoni, bl-ewwel waħda saret fl-2006.

Il-Malta Table Football Sports Association ħadmet id f’id ma diversi kumpaniji lokali speċjalment il-Kempinski Hotel San Lawrenz fejn ħa ssir il-kompetizzjoni u fejn kull player u uffiċċjal ħa jkun alloġġjat. Anthony Sapiano stqarr li kieku ma’ kienx hemm l-għajnuna ta’ din il-lukanda u wkoll awtoritajiet bħal KMS, il-Malta Tourism Authority u kumpaniji oħrajn kienet tkun diffiċli li l-MTFSA tasal li toffri pakkett daqstant attrajenti lill-players u uffiċċjali.

Min-naħa tagħha l-Onorevoli Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex stqarret kif din se tkun it-tieni attivita’ sportiva fi ftit jiem ġewwa Għawdex. Hija qalet li għal Għawdex kif dover li tgħin lill-MTFSA mill-fond għall-Għaqdiet Sportivi li jorganizzaw kompetizzjonjiet internazzjonali f’Għawdex. Hija żiedet li l-Ministeru ta’ Għawdex se jkun qed jagħmel tqassim ġust ta’ materjal li l-istess assoċjazzjoni Maltija se ġġib  minn barra biex il-logħba tas-subbuteo table football tibda trabbi l-għeruq f’Għawdex ukoll. Hija ħadet l-opportunita’ biex tirringrazzja kemm lill-MTFSA u wkoll lill-FISTF u wegħdet li se tkun qed taħdem id f’id mal-assoċjazzjoni Maltija biex dan l-isport jikber f’Għawdex ukoll u jgawdi mill-entużjażmu li hawn Malta.

Fid-diskors tiegħu, l-Onorevoli Clyde Puli sostna li attivitajiet bħal dawk iservu bħala branding għall-gżira Għawdxija u fakkar ukoll kif għas-sena d-dieħla l-Gvern reġa’ ġedded dan il-vot għax jemmen fil-potenzjal t’Għawdex bħala destinazzjoni għal turiżmu sportiv.

Il-kompetizzjoni li se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Novembru 2010 se ssir fis-sala ewlenija tal-Kempinski Hotel San Lawrenz. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ s tibda fid-9.30am u l-logħob jibda fl-10.30am. Dawk kollha interessati jaraw dan il-logħob jistgħu jattendu u dħul huwa b’xejn.





Leave a comment