Suns jibqgħu bla telfa wara l-konfront dirett

Wednesday, December 11, 2013, 20:22

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Phoenix The Chef Bistro 88

Miscela D’oro Mtarfa 50

(23-11)(27-4)(18-17)(20-18)

Phoenix The Chef Bistro irrotornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Miscela D’oro Mtarfa 86-50 u kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat. Huma kellhom nieqes lil Gary Micallef u Mtarfa kienu mingħajr Michael Agius u Matthew Borg. Mtarfa żammew il-pass mal-avversarji sa’ nofs l-ewwel taqsima iżda minn hemm ‘l quddiem Phoenix ħadu l-partita f’idejhom. Punti kontinwi minn Darryl Schembri speċjalment minn fuq il-freethrow line poġġew lil Mtarfa fuq quddiem 8-6. Hawn Phoenix għamlu run ta’ 10-2 bil-punti jaslu minn Jonathan Ransley u Andres Toompere. Wara freethrows ta’ Samuel Zammit għal Mtarfa, Phoenix komplew b’run oħra ta’ 7-0 li għalquha bi trippla ta’ Antoine Costa u temmew l-ewwel sessjoni 23-11 minn fuq. Mtarfa fetħu t-tieni perjodu b’basket ieħor ta’ Schembri iżda mbagħad kien hemm id-dominju totali minn Phoenix li kellhom 24 punt mingħajr risposta. Huma kellhom żewġ trippli ta’ Costa u baskets ta’ Clayton Camenzuli u Goran Mitrovic biex fil-halftime kellhom vantaġġ sabiħ ta’ 35 punt 50-15.

It-tielet perjodu kien aktar bilanċjat hekk kif Phoenix fetħu b’żewġ baskets ta’ Mitrovic u Zammit wieġeb bi trippla għal Mtarfa. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex Phoenix baqgħu 65-23 minn fuq. Mtarfa għalqu s-sessjoni b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Kurt Xuereb għal skor ta’ 66-32. Fl-aħħar sessjoni l-partita kompliet tkun bilanċjata bi Mtarfa jitħabtu biex inaqqsu d-distakk u kellhom il-baskets ta’ Daniel Farrugia u Josef Attard. Phoenix wieġbu bil-baskets ta’ Karl Azzopardi u Chris Briffa fi break qasir ta’ 6-0. Mtarfa kellhom run ta’ 8-2 b’żewġ trippli ta’ Zammit iżda kienu Phoenix li għalqu l-partita bi tlett baskets ta’ Mitrovic biex rebħu 88-50.

Phoenix The Chef Bistro: L. Azzopardi, D. Pisani, C. Briffa 12, K. Azzopardi 4, D. Debattista 3, R, Curmi, C. Camenzuli 7, R. Marin, G. Mitrovic 28, A. Costa 16, J. Ransley 8,  A. Toompere 10.

Miscela D’oro Mtarfa: J. Attard 2, K. Xuereb 5, C. Calleja, N. Grech, D. Farrugia 13, S. Zammit 16, J. Viibe 1, D. Schembri 13.

Referees: Georgios Isakias, Svezdan Dobrosaviljevic

Hibs 54

SN Suns 72

(18-17)(8-22)(14-11)(14-22)

F’konfront bejn iż-żewġ timijiet bla telfa, kienu Suns li ħarġu rebbieħa kontra Hibs 72-54 biex tawhom l-ewwel telfa fil-kampjonat. Għal Suns li kienu mingħajr Hubert Agius, din kienet is-sitt rebħa konsekuttiva tal-istaġun u wara li bdew b’telfa kontra Mellieħa fis-Shield, rebħu l-partiti kollha. Kienu Suns li għamlu l-ewwel żewġ baskets tal-partita minn Robert Mercieca u Igor Marjanovic. Hibs wieġbu b’żewġ trippli ta’ Simon Attard u Kieron Caruana f’run ta’ 12-2 iżda Suns ġabu l-iskor indaqs b’aktar baskets minn Mercieca u Marjanovic. Hibs temmew il-perjodu 18-17 minn fuq u fit-tieni taqsima baqgħu 3 minn fuq 24-21 wara basket minn Jordan Scott. Ir-risposta ta’ Suns waslet b’run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Michael Barberi u marru 4 minn fuq 28-24. Wara basket ta’ Ryan Carabott għal Hibs, kien hemm run oħra ta’ 11-0 minn Suns b’Mercieca u Marjanovic ikomplu bil-punti personali tagħhom biex fl-intervall kienu 39-26 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Hibs bdew aħjar u kellhom break ta’ 10-2 li għalquh bi three pointer ta’ Svens Niedritis u naqqsu d-distakk għal ħames punti 41-36. Basket ta’ Marjanovic u trippla ta’ Barberi reġgħu żiedu l-vantaġġ ta’ Suns u huma kienu 10 minn fuq kif intemmet it-taqsima 50-40. Sa’ nofs l-aħħar perjodu, d-distakk baqa’ l-istess hekk kif iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin. Hawn Suns għamlu run ta’ 10-0 bi tlett baskets ta’ Lee Grech flimkien ma’ Marjanovic u Barberi biex fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt 66-47. Għal Hibs kien hemm trippla oħra ta’ Attard flimkien ma’ baskets ta’ Niedritis iżda kienu Suns li rebħu l-partita 72-54.

Hibs: S. Niedritis 25, J. Scott Flagel 4, B. Zammit, L. Farrugia, S. Atttard 14, K.Vella, K. Caruana 3, C.Bugeja, K. Sultana, R. Carabott 7, G. Agius, A, Baldacchino 1.

SN Suns: A. Pace, S. Borg, K. Scicluna 2, L. Grech 10, M. Barberi 10, A. Bianchi 4, R. Mercieca 19, R. Camilleri, S. Cauchi, I. Marjanovic 27.

Referees: Clive Terribile, Emanuel Mangani

Lightning Mondays 24

Mellieħa Tritones 108

(6-28)(3-29)(9-21)(16-30)

Mellieħa rritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet meta kif mistenni għelbu lil Lightning Mondays 108-24. Mellieħa kellhom nieqsa lil Karl Cucciardi sospiż u lil Glenn Gauchi Grech u Oliver Sammut iżda żiedu ż-żgħażagħ Iman Cutajar u Bradley Borg. Wara basket fuq kull naħa minn Samuel Aquilina u Tim Womack, Mellieħa għamlu run ta’ 13-2 bi trippla ta’ Rihards Polis. Lightning Mondays kellhom baskets minn Daniel Caruana u Womack iżda Mellieħa komplew b’run oħra ta’ 13-0 bil-baskets ta’ Paul Magro u Aquilina u trippla ta’ Polis għal skor ta’ 28-6. Wara li Lightning Mondays għamlu freethrow fil-bidu tat-tieni sessjoni, Mellieħa għamlu 24 punt mingħajr risposta. Huma kellhom fost l-oħrajn il-punti ta’ Patrick Cauchi, Joshua Aquilina u Clint Grixti u sal-intervall kienu 57-9 minn fuq.

L-andament tal-partita baqa’ l-istess fil-ftuħ tat-tielet perjodu bil-Mellieħa jagħmlu 8 punti oħra. Hawn Anthony Hatherly għamel trippla għal Lightning Mondays f’mument fejn iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin b’Polis ukoll jagħmel trippla. L-aħħar seba’ punti tas-sessjoni ġew minn Mellieħa għal skor ta’ 78-28. Fl-aħħar perjodu Mellieħa komplew iżidu l-vantaġġ wara li kien hemm il-baskets ta’ Caruana għal Lightning Mondays. Mellieħa kellhom run oħra ta’ 13-0 li għaqqdu l-mitt punt bi freethrows ta’ Cauchi u komplew b’erba’ baskets oħra għal skor finali ta’ 108-24.

Lightning Mondays: T. Womack 4, D. Caruana 12, L. Randazzo, M. Caruana, D. Godwani 5, M. Cassar, M. Slim, C. Mifsud, A. Hatherly 3.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 7, M. Farrugia 6, J. Muscat 6, J. Sant, S. Aquilina 13, P. Magro 15, I. Cutajar 6, J. Aquilina 16, R. Polis 24, P. Cauchi 13, B. Borg 2.

Referees: Emanuel Mangani, Brian Sly

 

Klassifika Kampjonat BOV Tieni Diviżjoni

Team Logħob Rebħ Telf Punti
Hibs

4

3

1

7

St. Nicholas Suns

3

3

0

6

Phoenix The Chef Bistro

4

2

2

6

Mellieħa Tritones

4

2

2

6

Miscela D’Oro Mtarfa

4

1

3

5

Lighting Mondays

3

0

3

3

 





Leave a comment