Summer On the Move

Tuesday, May 6, 2014, 13:42

Illum fetħu l-applikazzjonijiet għall-Summer on the Move: programm sportiv għas-Sajf organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport. Din hija il-11-il edizzjoni ta’ dan il-programm li fih jistgħu jipparteċipaw tfal, żgħażagħ u adulti minn 4 snin il’ fuq. Għal dan il-programm ser ikunu utiliżżati 250 kowċ speċjalizzat li ser jieħdu ħsieb li jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lil kull parteċipant. L-għan prinċipali ta’ dan il-programm hu li l-parteċipanti jitħarrġu u jgħixu ħajja aktar sana.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport l-Onorevoli Chris Agius qal li programmi bħal dawn huma mportanti biex ikollna soċjeta’ aktar b’saħħita u attiva’. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ħafna x’jibbenefikaw minn dawn il-programmi għaliex huwa fatt magħruf li dawk it-tfal u żgħażagħ li jkunu impenjati f’dixxiplini sportivi joqgħodu l-bogħod mill-vizzji u jgħixu ħajja aktar sana, imma l-prezzijiet ssussidjati li joffri programm bħal Summer on the Move jagħmlu dan il-programm aċċessibbli għal kullħadd. Barra minn hekk, Summer on the Move għandu jkun l-ewwel pass biex il-parteċipanti jduqu l-attività sportiva u eventwalment jagħmluha parti integrali minn ħajjithom. Filfatt huwa ħeġġeġ biex jkunu aktar il-parteċipanti li jattendu dawn is-sessjonijiet li jsiru kemm filgħodu u kemm filgħaxija.

Luciano Busuttil, iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Isport qal li l-KMS ħa ħsieb jagħmel studju biex tingħata prijorità u jitwessgħu dawk is-sessjonijiet li huma l-aktar popolari u jitneħħew dawk li l-attendenza fihom kienet waħda fqira. Dan sar biex l-ispiża f’dawn il-programmi tkun iktar ikkontrollata u b’hekk jibbenefikaw l-parteċipanti.

Il-programm qed ikun offrut fil-kumplessi sportivi tal-KMS propju f’dawk tal-Kottonera, Kirkop u tal-Qroqq, kif ukoll fl-iskejjel tal-Mosta u tas-Siġġiewi. Huma diversi d-dixxiplini sportivi offruti f’dan il-programm, fejn jibqgħu l-iżjed popolari l-għawm, il-ġinnastika, il-baskitbol u l-futbol. Għal din l-edizzjoni, l-Kunsill Malti għall-Isport ħaseb biex għal-ewwel darba, joffri l-programm tal-karting matul il-ġimgħa.

Il-programm Summer on the Move huwa imfassal b’tali mod biex dawk il-ġenituri li jwasslu lit-tfal fid-diversi ċentri, jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attività sportiva ddisinjati apposta għalihom. Din is-sena ġew ukoll reveduti il-prezzijiet biex dejjem ikunu vantaġġuzi speċjalment għal dawk li jridu jużaw is-servizz il-ġimgha kollha. Il-programm jibda fl-14 ta’ Lulju u jintemm fil-5 ta’ Settembru 2014.





Leave a comment