Suċċess ieħor għal Gżira Athleta

Monday, November 20, 2017, 9:22

St. James Hospital Shield Nisa FINALI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 55

Hibernians 38

(14-10)(4-15)(19-2)(18-11)

Wara s-suċċess fis-Super Cup, Gżira Athleta rebħu t-tieni unur tal-istaġun wara li fil-finali tas-St. James Hospital Shield għelbu lil Hibernians 55-38. Il-partita ħadet żvolta wara l-intervall fejn Athleta ddefendew b’mod mill-aqwa tant li ħallew lil Hibs fuq basket wieħed biss. L-Amerikana Amelia Simmons kompliet bil-bidu posittiv tal-istaġun fil-waqt li xi ħaġa aktar kienet mistennija minn naħa ta’ Rachel Kehoe li kellha bidu tajjeb però mal-ħin il-prestazzjoni tagħha naqset. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ wara trippla ta’ Beverlee Zammit qabel ma Hibs kellhom il-punti ta’ Kehoe biex marru minn fuq. Athleta rrispondew bil-punti ta’ Simmons flimkien ma’ Sharon Vella għal skor ta’ 14-10. Hibs fetħu tajjeb fit-tieni perjodu meta kellhom tlett baskets mingħajr risposta minn Elena Cassar, Ema Micallef u Kehoe. Athleta rrispondew b’erba’ punti minn Leanne Duncan u Simmons però ma kellhomx aktar punti. Hibs mill-banda l-oħra, kellhom run ta’ 9-0 bi trippli minn Jasmine Abela u Micallef biex daħlu jistrieħu 25-18 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta naqqsu d-distakk b’basket ta’ Simmons u trippla ta’ Antoinette Borg. Hawn wasal l-uniku basket ta’ Hibs f’din it-taqsima minn Cassar għaliex minn hemm ‘l quddiem ma setgħux jagħmlu aktar punti. Athleta minn naħa tagħhom kellhom 14 –il punt bi trippla oħra ta’ Borg, oħra ta’ Julia Schembri flimkien mal-punti ta’ Simmons biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 37-27. Fl-aħħar sessjoni, Athleta komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Duncan, Simmons u t-tielet trippla ta’ Borg. Ir-risposta ta’ Hibs ma waslitx ħlief b’basket ta’ Silvia Gambino qabel ma Athleta komplew b’run oħra ta’ 7-0 minn Simmons, Schembri u Borg biex marru 20 minn fuq 51-31. Micallef kellha trippla għal Hibs però Athleta kellhom vantaġġ komdu u żieduh b’żewġ baskets oħra ta’ Duncan bil-partita tintemm b’żewġ baskets ta’ Kehoe tard fil-partita biex Athleta rebħu 55-38 u żammew l-unur tas-Shield għat-tieni sena konsekuttiva. Fi tmiem il-partita, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta t-tazza lil captain ta’ Athleta  Leanne Duncan.

Gzira Athleta: N. Hili, B. Zammit 3, M. Pollaco, S. Pisani, L. Duncan 10, A. Simmons 23, D. Said Hollier, A. Borg 10, J. Schembri 5, S. Vella 4, E. Pace, C. Mifsud

 

Hibs: E. Micallef 10, E. Cassar 6, S. Gambino 2, S. Brincat 3, I. Agius, J. Abela 3, N. Vella, K. Caruana 2, N. Farrugia, R. Kehoe 12, M. Gatt, J. Scerri.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment