Suċċess għat-team ta’ Hibs

Sunday, March 15, 2015, 23:27

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/23 NISA

minn Colin Schembri

Luxol 45

Hibs 52

(7-18)(10-10)(10-9)(18-14)

Bidu qawwi kien biżżejjed biex Hibs jerbħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena għal dan l-istaġun meta fil-finali għelbu lil Luxol 52-45. Hibs ħadu vantaġġ ta’ 11 –il punt fl-ewwel sessjoni u minkejja l-isforzi li wettqu Luxol, kien biss fl-aħħar sessjoni li t-team ta’ Sandro Farrugia rnexxielhom li jersqu viċin ta’ Hibs però ma kienx biżżejjed. Il-partita fetħet b’basket fuq kull naħa minn Jovana Karakesevic għal Hibs u Steffi De Martino għal Luxol. Hibs kellhom trippla minn Ema Micallef u basket ta’ Julia Scerri però Luxol irrispondew bil-punti ta’ Christine Curmi. Hawn Hibs ħasdu lill-avversarji bi break ta’ 11-2 bi trippla oħra ta’ Micallef u l-punti ta’ Elena Cassar u Karakesevic biex temmew it-taqsima 18-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu Hibs fetħu b’żewġ baskets oħra ta’ Scerri biex żiedu l-vantaġġwara żewġ turn-overs ta’ Luxol b’Farrugia jagħjjat time-out. Hawn Luxol wettqu reazzjoni bi break ta’ 8-0 b’punti ta’ De Martino flimkien ma’ Monique Caruana u Martina Darmanin. Kien imiss lil coach tal-Hibs Winnie Buhagiar li ssejjaħ time-out u Hibs għalqu l-perjodu b’sitt punti fosthom it-tielet trippla ta’ Micallef biex daħlu jistrieħu 28-17 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, l-punti ġew bil-mod fl-ewwel ħinijiet biex Hibs żammew vantaġġ ta’ disa’ punti 30-21. Hawn Hibs kellhom sitt punti oħra mingħajr risposta minn Karakesevic u Justine Xuereb kabbru l-vantaġġ 36-21. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Ina Baena u De Martino però kienu għadhom 10 minn taħt 27-37. Luxol bdew tajjeb fl-aħħar taqsima b’sitt punti mingħajr risposta. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Karakesevic u Xuereb però Luxol kellhom trippla minn Baena biex resqu aktar viċin.

https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716

Wara trippla ta’ Cassar għall-Pawlisti, kien hemm run oħra ta’ 8-0 minn Luxol bi tlett baskets ta’ Paula Ellul biex waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod 45-49. Il-ħin iżda kien favur Hibs li għalqu l-partita bl-aħħar punti minn Naomi Farrugia u rebħu l-partita 52-45. Il-President tal-MBA Paul Sultana fi tmiem il-partita ppreżenta t-trofew lil Elena Cassar u Ema Micallef bil-Hibs jiċċelebraw ir-rebħ ta’ dan il-kampjonat.

Luxol: Monique Caruana 4, Oceane Visser 1, Louisa Serge, Ina Baena 5, Christina Sollami, Steffi De Martino 20, Kay Portelli, Justine Seghotoleslami, Paula Ellul 6, Sophie Abela, Martina Darmanin 4, Christine Curmi 5.

Hibs: Ema Micallef 11, Julia Scerri 7, Iona Agius, Francesca Mifsud, Justine Xuereb 6, Kim Portainer Mifsud, Elena Cassar 11, Naomi Farrugia 1, Jovana Karakesevic 16.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Ritratti: MPC Photography: https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716





Leave a comment