Suċċess għal Honey Athleta fil-finali

Wednesday, February 11, 2015, 21:55

ST. JAMES HOSPITAL KNOCK-OUT NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 54

Honey Athleta 61

(11-13)(15-18)(13-15)(15-15)

Kien fil-istaġun 1996/97 li team tan-nisa tal-Athleta rebħu l-aħħar knoc-out tagħhom meta f’dak l-istaġun kienu għamlu d-double bir-rebħ tal-kampjonat ukoll. Sena wara waslet is-Super Cup f’dik li kienet l-aħħar tazza. Wara diversi snin li wassluhom biex jerbħu l-unuri fil-kategoriji tal-juniors, it-team tal-Athleta reġa’ rebaħ unur maġġuri fil-basketball femminili. Fil-finali tas-St. James Hospital knock-out, huma għelbu lil Pavi Depiro 61-54. Partita stupenda tal-Amerikana Amelia Simmons li meritatament kienet magħżula bħala l-MVP tal-partita b’29 punt u 20 rebound. Depiro sabu diffikulta kbira li jidħlu fiż-żona u kellhom jibażżaw il-logħba tagħhom fuq is-shooting minn barra però ftit kienu preċiżi tant li kellhom biss 8 three pointers minn 37 tentattiv. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 8-0 b’baskets minn Leanne Sciberras, Emma Moore u 2 ta’ Simmons. Depiro wieġbu bi trippla minn Sam Brincat u l-baskets ta’ Svetlana Micallef u l-Amerikana Siarre Evans. Evans għamlet ukoll trippla biex ġabet l-iskor indaqs 11-11 fid-disa’ minuta però qabel intemmet it-taqsima kien hemm basket ta’ Moore għal skor ta’ 13-11. Athleta kabbru l-vantaġġ fit-tieni sessjoni wara l-punti ta’ Simmons u Moore. Depiro kellhom żewġ trippli minn Evans u għal darbtejn ġabu l-iskor indaqs . Athleta wkoll kellhom trippla minn Denise Said Hollier u aktar punti minn Moore u Simmons biex daħlu jistrieħu 31-26 minn fuq.

Athleta fetħu t-tielet sessjoni b’żewġ baskets ta’ Simmons bid-Depiro jwieġbu bi trippla ta’ Brincat. Wara aktar punti minn Simmons, Depiro reġgħ resqu viċin u għal darb’oħra kienet Evans li għamlet trippla għal skor ta’ 38-35. Hawn Athleta għamlu run ta’ 8-2 biex temmew il-perjodu 46-39 minn fuq. Mhux l-ewwel darba li Athleta tilfu l-konċentrazzjoni fl-aħħar sessjoni però din id-darba l-players ta’ Ruth Spiteri żammew sod. Biex tkompli tiġihom ħażina, Depiro fallew xi freethrows u kien biss fl-aħħar żewġ minuti li resqu viċin li jinkwetaw lill-Athleta b’żewġ trippli konsekuttivi minn Brincat u Gaby Mifsud. Però ma kienx għad fadal ħin u Athleta kkontrollaw biex ħarġu rebbieħa 61-54. Fi tmiem il-partita, s-Sinjura Maria Bugeja, Direttriċi ta’ St. James Hospital ippreżentat it-trofew lil captain tal-Athleta Leanne Sciberras.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud5, R. Calleja, S. Brincat 11, M. Bonett 5, N. Agius, M. Mifsud, S. Evans 28, P. Montanaro, S. Micallef 6, C. Ciantar 4.

Honey Athleta: E. Moore 13, L. Pirotta 4, S. Vella, L. Cassar, L. Sciberras 10, A. Borg, D. Said Hollier 3, A. Simmons 29, R. Sciberras, F. Farrugia, S.J. Barbara 2, C. Mifsud.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Luke Camilleri.

Ritratti: MBA Facebook page.





Leave a comment