Suċċess għal Hibs fis-St. James Hospital Shield

Monday, November 24, 2014, 14:10

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Mellieħa Mr. Green 49

Hibs 69

(7-25)(17-17)(16-10)(9-17)

Quddiem folla mill-isbaħ Hibs rebħu s-St. James Hospital Shield 69-49 wara wirja mill-aqwa kontra Mellieħa Mr. Green. Hibs kellhom l-isfortuna li tilfu lil Carles Taexido b’injury kmieni fil-partita u matul il-partita tilfu wkoll bil-fouls lil David Camilleri u Fabrizio Mariani. Mellieħa wkoll kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Emanuel Lupo b’injury fit-tielet taqsima. Hibs kellhom bidu mill-aqwa u ħasdu lil Mellieħa bi break ta’ 14-0 fl-ewwel ħames minuti. Huma bdew b’żewġ trippli ta’ David Camilleri u komplew bil-punti ta’ Taexido, Gabriel Agius u Kieron Caruana fost l-oħrajn. Mellieħa finalment wieġbu bi three pointer ta’ Michel Farrugia però Hibs komplew bi break ieħor ta’ 11-2 bil-puni ta’ Fabrizio Mariani u Simon Attard u temmew l-ewwel taqsima 25-7 minn fuq. Mellieħa kellhom ċans li jnaqqsu d-distakk fil-ftuħ tat-tieni taqsima però fallew sitt freethrows hekk kif Hibs m’għamlux punti fl-ewwel ħames minuti. Hawn iżda Hibs reġgħu bdew iżidu d-distakk hekk kif bdew ġejjin it-three pointers tagħhom minn Stefan Vella,Camilleri u tnejn minn Attard. Mellieħa wkoll kellhom it-trippli tagħhom minn Rihards Polis u Robert Loporto però fl-intervall Hibs kienu 42-24 minn fuq.

Mellieħa bdew tajjeb fit-tielet sessjoni meta għamlu break ta’ 7-0 bi trippla oħra ta’ Polis. Wara basket ta’ Mariani għal Hibs, Mellieħa kellhom iktar punti minn Polis qabel ma Mariani żied l-iskor ta’ Hibs b’basket u trippla. L-aħħar taqsima bdiet bil-mod tant li wara ħames minuti, il-vantaġġ ta’ Hibs baqa’ ta’ 11 –il punt 55-44. Hawn Hibs, mingħajr Camilleri u Mariani, għamlu break ieħor ta’ 9-0 bil-punti ta’ Attard u Agius biex ħadu l-kontroll tal-partita. Huma baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 69-49 fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom. Il-ferħ laħaq il-qofol tiegħu meta l-captain David Camilleri rċieva t-trofew mingħand il-President tal-MBA Paul Sultana.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 5, M. Farrugia 3, J. Muscat 3, R. Polis 12, S. Aquilina 4, R. Loporto 7, O. Sammut 2, J. Aquilina 6, E. Lupo 7, P. Cauchi, B. Soler, P. Magro.

Hibs: M. Giusti 2, C. Taexido 2, D. Camilleri 13, L. Farrugia, S. Attard 19, G. Agius 11, K. Caruana 6, M. Humpton, K. Sultana, A. Baldacchino, F. Mariani 13, S. Vella 3.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri, Clive Terribile.





Leave a comment