Suċċess għal Hibernians fil-finali

Monday, January 30, 2017, 17:09

Bank of Valletta Knock-out Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 78

Gżira Athleta 70

(16-22)(10-10)(20-13)(14-15)(18-10)

Hibernians huma r-rebbieħa tal-Bank of Valletta knock-out għal dan l-istaġun wara li fil-finali għelbu lil Gżira Athleta 78-70 wara l-ħin barrani. Hibs għadhom bla rebħa dan l-istaġun bl-eċċezzjoni ta’ din it-tazza fejn rebħu t-tlett partiti li lagħbu fiha li wassluhom għas-suċċess finali. Partita entużjażmanti li offriet minn kollox b’kontroversji tipiċi ta’ dawn il-finali. Kellna players fouled out fuq kull naħa biż-żewġ timijiet ikollhom tlett players kull wieħed. Il-ġlieda taħt il-boards intrebħet nettament minn Hibs b’71 rebound kontra l-43 tal-Athleta. Alvaro Lizaur, l-Ispanjol ta’ Hibs kien magħżul bħala l-MVP tal-partita fejn kellhu 37 punt u 25 rebound fost l-oħrajn. Kien fl-istaġun 1988/89 li din it-tazza l-aħħar li marret Raħal Ġdid dak iż-żmien taħt l-isem ta’ EneMalta Paola Stars. Hibs kellhom nieqes lil Marco Matijevic fil-waqt li għall-Athleta kien hemm ir-ritorn ta’ Nicolai Lubrano.

Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ żgħir tal-partita wara run ta’ 12-4 bi trippla ta’ Josiah Whitehead u l-punti ta’ Michael Naudi. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Lizaur u Adrian Micallef biex naqqsu d-distakk għal basket 12-14. Hawn Athleta kellhom ir-risposta minn Whitehead li kiseb 8 punti konsekuttivi bi trippla oħra u temmew l-ewwel taqsima 22-16 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat fejn wara li Hibs bdew bi trippla ta’ Luke Farrugia, Whitehead u Billy Zammit wieġbu għall-Athleta. Sat-tmiem kien hemm punti fuq kull naħa bis-sessjoni tintemm f’parita 10-10 biex Athleta żammew vantaġġ ta’ sitt punti 32-26.

Wara l-intervall, Hibs ħasdu lill-avversarji bi ftuħ qawwi hekk kif għamlu run ta’ 12-0 b’diversi punti minn Lizaur flimkien ma’ Micallef u Fabrizio Mariani u marru 12 minn fuq. Wara basket ta’ Whitehead, Hibs komplew b’erba’ punti oħra qabel ma Roderick Vella kellhu mument mill-aqwa bi tmien punti konsekuttivi fosthom żewġ trippli. Trippla oħra din id-darba minn David Camilleri poġġiet lill-Athleta fuq quddiem iżda punti ta’ Lizaur u Isaac Bonett raw lil Hibs jiftħu l-aħħar taqsima basket minn fuq 46-45. Huma żiedu d-distakk wara trippla ta’ Simon Attard bl- Athleta jerġgħu jirrispondu permezz ta’ Whitehead u trippla ta’ Billy Zammit. Lejn it-tmiem Hibs ppruvaw jikkontrollaw il-vantaġġ però fallew il-free-throws u Athleta ħadu l-okkażjoni u trippli ta’ Zammit u Camilleri rawhom jisfurzaw il-ħin barrani. Hawn il-partita kienet għat-telgħa għall-Athleta hekk kif kienu mingħajr Whitehead, Naudi u Shoults kollha fouled out. Hibs kellhom żewġ trippli minn Attard u Lizaur. Athleta kellhom biss free-shots bl-eċċezzjoni ta’ trippla minn Vella però l-free-throws ta’ Lizaur ħallew lil Hibs fuq quddiem biex huma rebħu l-partita 78-70 fost il-ferħ tal-players u coaches u l-partitarji. Fl-aħħar tal-logħba, is-Sur Peter Perotti Chief Officer Bank of Valletta ippreżenta l-unur tal-MVP tal-finali lil Alvaro Lizaur u t-trofew tan-Knock Out lil captain ta’ Hibs Stefan Vella.

Hibernians: P. Attard, M. Houmpton, E. Xuereb 3, L. Farrugia 3, S. Attard 11, I. Bonett 2, K. Sultana, A. Micallef 8, S. Vella 1, F. Mariani 16, A. Lizaur 57.

Gżira Athleta: M. Naudi 7, R. Vella 14, D. Camilleri 9, P. Shoults 2, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 10, J. Bos 2, S. Vincic 1, M. G. Montaldo, J. Whitehead 25.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Farrugia.

Ritratti: BOV Club 





Leave a comment