Suċċess għal Gżira Athleta wara partita stupenda

Monday, January 25, 2016, 17:31

BANK OF VALLETTA KNOCK-OUT – IRĠIEL

Falken Cynergi Virtus 84

Gżira Athleta 98

(17-27)(27-23)(21-13)(19-35)

Gżira Athleta kisbu ir-raba’ suċċess konsekuttiv  tagħhom fil-Bank Of Valletta Knock out meta għelbu lic-champions Falken Cynergi Virtus 98-84. Din kienet l-isbaħ partita tal-istaġun biż-żewġ timijiet jilħqu livell għoli ta’ prestazzjoni. Għal Virtus din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun, hekk kif l-aħħar darba li daqu t-telf kien fis-semi-finali tal-play-offs tal-istaġun li għadda. Athleta kienu l-aħjar tim hekk kif kienu tajbin fid-difiża fejn saħansitra ppressaw lill-avversarji f’diversi waqtiet tal-partita b’Virtus jidhru maħsuda. Lee Fisher, Michael Naudi u Nicolai Lubrano rebħu diversi rebounds fl-attakk fejn Athleta kellhom total ta’ 20 li minnhom  għamlu 14 –il punt, fattur ieħor li biddel il-logħba favur it-team ta’ Joe Galea. Athleta malajr ħadu vantaġġ tara run ta’ 7-2 b’Naudi f’forma tajba mill-bidu. Virtus ġew lura bi trippla ta’ David Bugeja u anki marru fil-vantaġġ b’punti minn Jacob Formosa u Chris Santo. Athleta ġew lura b’run ta’ 10-2 bi trippla ta’ Naudi flimkien ma’ Fisher u Micallef u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 27-17. Fit-tieni perjodu, il-vantaġġ tal-Athleta kiber wara baskets minn Roderick Vella u Lubrano. Formosa u Peter Shoults wieġbu għal Virtus ma b’żewġ three pointers iżda Billy Zammit ukoll kellhu tripla flimkien ma’ Fisher biex Athleta żammew vantaġġ b’figuri doppji. Santo kellhu punti konsekuttivi għac-champions però Vella wieġeb bi trippla għall-Athleta. Virtus temmew is-sessjoni bi break ta’ 7-0 fosthom trippla ta’ Robert Bonnici u l-vantaġġ tal-Athleta niżel għal sitt punti 50-44, skor li jirrifletti sewwa l-andament ta’ din il-partita mill-isbaħ.

Fil-bidu tat-tielet taqsima, iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin hekk kif Vella kiseb it-tieni trippla tiegħu għall-Athleta. Virtus wieġbu bi break ta’ 11-4 bi trippla ta’ Shoults u rnexxielhom imorru għall-ewwel darba minn fuq 65-63. Fisher reġa’ poġġa lil Athleta minn fuq iżda trippla ta’ Robert Bonnici eżatt ma tmiem it-taqsima rat lil Virtus jibdew l-aħħar taqsima basket minn fuq 65-63. Athleta fetħu bi trippla ta’ Lubrano biex ħadu l-vantaġġ għal darb’oħra. Għal darbtejn, ic-champions reġgħu ħadu l-vantaġġ wara punti minn Santo u Shoults. Athleta ġew lura b’run ta’ 10-2 b’aktar punti minn Fisher u Lubrano. Fid-disa ‘minuta, Athleta kellhom run ta’ 9-3 run primarjament minn free-throws hekk kif Virtus bdew iwaqqfu l-arloġġ. Madankollu, Athleta żammew kalmi u skorjaw il-free-throws biex rebħu l-logħba 98-84 fost il-ferħ tal-players u coaches u l-partitarji. Fl-aħħar tal-logħba, is-Sur Peter Perotti Chief Officer Bank of Valletta ippreżenta l-unur tal-MVP tal-finali lil Lee Fisher u t-trofew tan-Knock Out lil captain tal-Athleta Michael Naudi.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace, D. Bugeja 16, R. Bonnici 11, D. Camilleri, S. Bonnici, J. Formosa 13,  A. Felice Pace, C. Santo 34, L. Sobers, F. Bartolo, P. Shoults 10, T. Grech.

Gżira Athleta: M. Naudi 31, R. Vella 15, J. Wait, D. Wiersum, L. Stefanovic, I. Buldakov, B. Zammit 3, A. Micallef 5, N. Lubrano 12, S. Vincic, M. G. Montaldo, L. Fisher 31.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Mangani.

Ritratti: MPC Photography: https://www.facebook.com/mpcphotographers/?fref=ts

BOV Club:    https://www.facebook.com/bovclubmt/?fref=ts





Leave a comment