Suċċess għal Beach Badminton

Sunday, September 1, 2013, 9:29

Is-Sibt, 24 ta’ Awwissu sebaħ kmieni għall-membri ta’ Birkirkara Badminton Club li nġabru fi Pretty Bay B’Buġia biex jarmaw il-courts fuq ir-ramel bi tħejjija għall-ewwel avveniment ta’ Beach Badminton li qatt sar f’Malta. wara sigħat ta’ laqgħat ta’ tħejjija matul is-sajf, u wara li nħarġu l-permessi meħtieġa, il-membri ta’ Birkirkara raw li kollox ikun lest biex l-avveniment jibda fl-10 ta’ filgħodu.

Persuni fil-bajja kif ukoll fl-inħawi (uħud minnhom barranin) ingħaqdu f’nofstanhar ta’ attivitajiet bix-shuttlecock flimkien ma’ għawm fil-bajja pittoreska ta’ B’Buġia. Fit-3 ta’ waranofsinhar bdew il-kompetizzjonijiet għal gruppi varji: dawk li qatt ma lagħbu badminton kif ukoll għal dawk midħla tal-logħba (uħud minnhom membri tal-iskwadra nazzjonali). Infatti membri minn klabbs lokali tal-badminton – Msida Arrows, Paola u Shuttles – ingħaqdu ma’ dawk ta’ Birkirkara f’atmosfera ta’ ferħ u għaqda.

L-avveniment intemm bil-preżentazzjoni ta’ trofej u tifkiriet lid-diversi rebbieħa. Is-suċċess ta’ dan l-avveniment ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-isponsors tal-klabb: Smart Office Supplies Ltd ta’ Ħal Qormi, Go & Fun Green Energy Drink u Polidano Press Ltd. Ħajr speċjali lill-Fun’n’Unity, lil dawk kollha li għenu fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment, kif ukoll lill-parteċipanti kollha.






Leave a comment