Suċċess fl-ewwel edizzjoni tal-Gozo Cup

Tuesday, October 25, 2011, 13:23

minn Colin Schembri

Suċċess għall-ewwel edizzjoni tal-Gozo Cup u l-unur għal A to Z Electronics Athleta

Gozo Presentation

Gozo Presentation

Is-Sibt u l-Ħadd li għadda il-basketball lokali ttrasferixxa ruħu għal Gozo Sport Complex fir-Rabat Għawdex fejn saret l-ewwel edizzjoni tal-Gozo Cup għat-timijiet tal-ewwel diviżjoni tal-irġiel. L-avveniment organizzat għall-ewwel darba b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika u l-Malta Basketball Association kien wieħed ta’ suċċess fejn ħadu sehem it-timijiet kollha tal-ewwel diviżjoni ta’ l-irġiel. L-unika nota ta’ kritika li nista’ nagħmel f’dan l-istadju hija dwar il-kundizzjoni tal-kumpless sportiv ta’ Għawdex li bi ftit attenzjoni u tiswijiet speċjalment fis-saqaf jista’ jkun wieħed mill-isbaħ kumplessi sportivi fil-gżejjer Maltin.

Għal din il-kompetizzjoni it-timijiet ippreżentaw għall-ewwel darba l-players barranin tagħhom li wkoll offrew spettaklu. A to Z Electronics Athleta li rebħu l-unur meta fil-finali għelbu lil Siġġiewi 63-57 kellhom player minn Bahrain Mohammed Kuwaid. Tata Motors Loyola wkoll kellhom barranin ġodda, t-Taljan Federico Vitale u l-Libjan Abdullah Altarhumi. Il-players barranin l-oħra huma Amerikani fejn għal Depiro lagħab Greg Hamlin, għal Floriana Francesco Fenech lagħab Bryant Williams fil-waqt li għal Bupa Luxol lagħab Jeron Belin. Dawn il-players issa jibdew jilgħabu fil-kompetizzjonijiet lokali fil-bidu ta’ Novembru.

Fl-ewwel ġurnata ntlagħbet il-fażi preliminari fejn is-sitt timijiet kienu mqassma f’żewġ gruppi. Fi Grupp A kien hemm Athleta, Loyola u Siġġiewi fil-waqt li fi Grupp B kien hemm Luxol, Depiro u Floriana. Il-partita ntlagħbu b’żewġ sessjonijiet ta’ 15 –il minuta l-wieħed. Ir-riżultati kollha tal-ewwel fażi kienu dawn:

A to Z Electronics Athleta 66 Tata Motors Loyola 30

Depiro Mtarfa 52 Floriana Francesco Fenech 41

Siġġiewi 32 A to Z Electronics Athleta 47

Bupa Luxol 44 Depiro Mtarfa 47

Tata Motors Loyola 34 Siġġiewi 55

Floriana Francesco Fenech 44 Bupa Luxol 49

L-għada l-Ħadd imbagħad intlagħbu is-semifinali u l-finali. Fl-ewwel semifinali Siġġiewi għelbu lil Depiro 53-33 fil-waqt li fit-tieni waħda Athleta għelbu lil Luxol 56-32. Fil-finali għal ħames u s-sitt post iltaqgħu Tata Motors Loyola kontra Floriana Francesco Fenech fejn hawn Loyola rebħu 57-35. Fil-finali għat-tielet u r-raba post reġgħu iltaqgħu Depiro u Luxol u għal darb’oħra kienu Depiro li rebħu l-partita 64-39.

Fil-finali ltaqgħu Siġġiewi u A to Z Electronics Athleta. Din il-finali ntlagħbet b’erba’ sessjonijiet ta’ 10 minuti ‘l waħda. Athleta kellhom l-aħjar bidu fejn għalqu l-ewwel sessjoni bi break ta’ 8-0 u fl-ewwel sessjoni kienu 22-14 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Siġġiewi waslu sa 2 punti taħt l-avversarji 24-26 u għalkemm Athleta reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 8 punti 32-24, Siġġiewi għamlu l-aħħar 3 punti tas-sessjoni biex fl-intervall Athleta kienu 5 punti minn fuq 32-27. Athleta komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tielet sessjoni bi three pointers t’Omar Said 46-35. Fit-tmiem is-sessjoni kien hemm distakk ta’ 10 punti bejn iż-żewġ timijiet 51-41 favur Athleta. Siġġiewi għamlu run ta’ 10-0 fl-aħħar sessjoni biex ippareġjaw il-partita 55-55. Time-out magħjjat mill-coach ta’ l-Athleta Joe Galea kien strumentali biex il-players tiegħu reġgħu ħadu r-riedni tal-partita f’idejhom bi trippli ta’ Saif u ta’ Kuwaid biex rebħu l-partita 63-57.

Fi tmiem il-partita, l-Onorevoli Chris Said Segretaru Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika ippreżenta t-trofew lil captain ta’ A to Z Electronics Athleta Micheal Naudi. F’intervista li se tkun imxandra fuq il-programm Three Pointer, l-Onorevoli Said qal li din kienet niċċa mprotanti għall-isport f’Għawdex fil-waqt li ħabbar ukoll li diġa għaddejin diskussjonijiet mal-Malta Basketball Association biex tiġi organizzata kompetizzjoni simili din id-darba għal-basketball femminili.





Leave a comment