Success bl-Argument u tmiem l-istagun

Thursday, May 20, 2010, 17:24

Huma diversi l-ispunti li joħorġu minn din il-ġimgħa sportiva. Kif tafu, x-xahar ta’ Mejju huwa importanti ħafna għax jiġu deċiżi diversi kampjonati sew fil-futbol u anke fi sport ieħor. F’sena bħal dik li qegħdin fiha, dan ix-xahar huwa importanti wkoll għax kulħadd qed jistenna t-Tazza tad-Dinja li issa għad fadlilha inqas minn xahar biex tibda.

Però nibdew fl-ordni, u kien ta’ pjaċir għalija u għal dawk li jaħdmu fid-Dipartiment sportiv ta’ ONE, li għal darba oħra, s-survey ikkummissjonat mill-Awtorita tax-xandir reġa’ wera li L-Argument, kif ukoll il-programmi sportivi kollha tal-ONE, huma l-aktar programmi segwiti fil-gżejjer Maltin. F’dan is-survey jidher biċ-ċar li l-Argument żamm udjenza tajba ħafna għalkemm jinsab fil-ħin tat-tieni serata, jiġifieri wara d-9.30pm.

Kien sodisfazzjon ikbar għax sar magħruf ukoll li mill-programmi kollha ta’ ONE li jixxandru fit-tieni faxxa ta’ ħin, l-Argument, għalkemm huwa programm sportiv, huwa l-aktar programm segwit, b’udjenza li tvarja fl-età u anke f’partijiet differenti tal-Gżejjer Maltin. Anke l-programmi l-oħra ta’ ONE Sport, Zona Sport u Sal-Ġister li huma programmi iktar speċifiċi xorta waħda għandhom udjenza tajba.

Dan ir-riżultat jagħlaq għal darba oħra staġun ta’ suċċess għall-programmi ta’ ONE wara li aktar kmieni din is-sena, L-Argument reġa’ ġie magħżul bħala l-aħjar programm sportiv fil-Malta Television Awards. Iżda kif dejjem ngħid, dan jaghti kuraġġ u pjaċir kbir, però l-ikbar grazzi tmur għal dawk kollha li jsegwu l-programmi tagħna u jipparteċipaw b’mod attiv. Filfatt huwa impressjonanti n-numru ta’ emails, SMS, telefonati u kummenti fuq Facebook, li jkollhom il-programmi tagħna. Impenn żgur għall-futur min-naħa tagħna għal aktar programmi serji, li ma jweġġgħu sentimenti ta’ ħadd, li jżommu ‘l bogħod mis-sensazzjonaliżmu, iżda fl-istess ħin li jżommu livell tajjeb ta’ ġurnaliżmu sportiv.

Dawn ir-riżulati jkunu wkoll invit tajjeb għad-diriġenti ta’ ONE Productions biex jinvestu aktar fl-isport u anke għall-isponsors li huma l-uniku mod ta’ kif dawn l-programmi jitkomplew.

Għal quddiem, issa li waslet it-Tazza Tad-Dinja mgħejjuna anke minn dan ir-riżultat, ONE għandu mħejji għalikom programm speċjali li issa sar bħal L-Argument ukoll sinonimu mal-avvenimenti tal-futbol importanti. Mill-ħdax ta` Ġunju li ġej sforz kollettiv tal-ħaddiema kollha ta’ ONE, ser itellgħu Zona Dinjija, programm ta’ kuljum ta’ futbol, mimli b’ħafna affarijiet oħra li d-dettalji dwarhom tisimgħuhom fil-ġranet li ġejjin u anke fil-paġni ta’ dan il-ġurnal.

In-nurseries u l-Kummissarju tat-tfal

Lokalment ma tantx laqtuni l-kummenti li għamlet il-Kummisarju tat-Tfal rigward in-nurseries tal-futbol. Filwaqt li wieħed jifhem il-preokkupazzjoni għall-bżonn ta’ protezzjoni tat-tfal, l-idea ta’ nursery tal-futbol tmur ‘il bogħod ħafna minn dak li jien stajt nifhem fir-rapport. In-nursery tal-futbol mhix ċentru ta’ rekreazzjoni għat-tfal minn età żgħira għall-fuq. La huma l-Mużew, la huwa xi ċentru taż-żgħażagħ jew xi azzjoni kattiolika.

In-nursery tal-futbol hija skola speċifika fejn tfal minn età żgħira jitħarrġu biex jispeċjalizzaw fil-logħba tal-ballun. Huwa għalhekk li ftit jagħmel sens li f’kumitat tan-nurseries ikunu nvoluti l-ġenituri, li huma l-ikbar għadu jekk nistgħu insejħulu hekk, għal dan is-settur. Fortunatament ħafna nuseries huma mmexxija minn amministraturi professjonali u speċjalizzati, li jafu x’inhuma l-prijoritajiet li nursery għandha jkollha.

Ma naqbel xejn ukoll mar-rimarka li t-tfal qed jiffrimaw ma’ klabb kmieni. Wieħed irid jifhem li nursery tal-futbol tinvesti ħafna riżorsi u għalhekk ħafna flus fi tfal li jattendu. Il-miżati li jitħallsu, apparti għal xi nurseries, huma żgħar ħafna u għalhekk wieħed ma jippretendix li tifel jitgħallem il-bażi imbagħad meta jfettillu missieru jew ommu, jitlaq banda oħa.

In-nurseries għandu jkollhom garanzija li jekk itellgħu talent jieħdu kumpens. Kumpens li l-UEFA ħasbet tajjeb li tagħmel regoli speċifiċi li jingħata meta plejer jiġi trasferit. Huwa minnu min-naħa l-oħra li hawn nurseries li moħħhom biss li jtellgħu n-numri u għalhekk jaċċettaw kollox u lil kulħadd, u hawn naqbel li hemm bżonn moniteraġġ iktar aħrax biex meta toħroġ liċenzja, tinħareġ kif suppost. Bla dubju t-tfal Maltin qed jiffaċjaw diversi problemi li jmorru ‘l bogħod min-nurseries tal-futbol, li f’pajjiżna għamlu progress kbir.

Mix-xena internazzjonali

Fix-xena internazzjonali bla dubju wieħed irid jifraħ ma’ dawk il-Maltin li għandhom simpatija għat timijiet ta’ Chelsea u Bayern Munich għalkemm jien qatt ma nista’ nifhem il-ferħ esaġerat ta’ wħud meta jsir dan. Chelsea bla dubju rebħu kampjonat kumbattut u naħseb kollox ma kolllox meritat, għalkemm kien kampjonat li ġab ukoll xi polemika.

Bayern Munich ikomplu jikkonfermaw staġun eċċezzjonali li issa jista’ jimmatura aktar fil-finali tal-UEFA Champions League kontra Inter. Kif qed insemmu lil Inter, illum jiġi deċiż il-kampjonat Taljan. Ġlieda bejn Inter u Roma, ġlieda li kif jiġri f’dan il-povru futbol Taljan, tintlagħab fil-ġurnali minn ġimgħa qabel.
Inter ta’ Mourinho li għal darba oħra huma l-favoriti għall-unur. Futbol Taljan li jien partikolarment idejjaqni, għalkemm jien għandi simpatija kif kulħadd jaf, lejn Sampdoria. Il-mod ta’ kif il-midja Taljana u l-klabbs il-kbar jagħmlu monopolju f’dan il-kampjonat huwa inkredibbli. Hadt ħafna pjaċir bil-kampjonat tas-Sampdoria, iżda bqajt imdejjaq kif il-midja ma tatx każ dak li għamlu klabbs bħal Sampdoria, Napoli u Palermo, u baqgħet titkellem biss fuq kemm il-kowċ, diriġenti u plejers ta’ dawn il-klabbs sejrin ma’ klabbs ikbar. Midja u futbol tal-mistħija.





Leave a comment