Stqarrija qarrieqa mill-MFA

Wednesday, January 11, 2012, 22:37

Nagħmel referenza għall-istqarrija maħruġa b’mod kunġunt mill-MFA u l-Global Security Services Ltd li ġiet ippublikata fl-aħħar jiem ta’ Diċembru 2011 u li ġiet rappurta fil-ġurnali Nazzjon u Orizzont.

Permezz ta’ din il-kommunikazzjoni nixtieq nagħmilha ċara li jien fl-ebda ħin u mument fil-programm Kontrattakk ma nsinwajt li hemm xi problemi bejn l-MFA u l-Global Security Services kif ippruvat tagħti l-impressjoni l-istqarrija qarrieqa u malizzjuża iffirmata miż-żewġ naħat.

Inżid ukoll billi nirribatti u niċħad bil-qawwa kollha l-insinwazzjoni provokatorja li qed tipprova twassal lill-pubbliku sportiv l-MFA fil-konfront tiegħi meta fl-istqarrija tenniet li jien ma kellix informazzjoni koretta. Din it-tattika maħmuġa ma tagħmilx ġieħ lill-ogħla uffiċjali tal-MFA fosthom lil Bjorn Vassallo wieħed mill-firmatarji ta’ din l-istqarrija li kellha biss intenzjoni waħda – dik li tipprova tiskredita wieħed mill-ġurnalisti li jipprova jinvestiga dak li hu fl-interess tal-pubbliku sportiv. L-MFA b’dan l-aġir qegħda biss tikkonferma kemm hi sensittiva u ribelluża meta l-media lokali tipprova tinvestiga stejjer amministrattivi. Dan l-atteġġjament mill-MFA hu atteġġjament perikoluż li qed jipperikola l-futur tad-dritt fundamentali tal-ġurnalist.

Nirrimarka wkoll li l-mistoqsija dwar il-cross cutting li bħalissa għaddej fl-MFA li saret waqt il-programm Kontrattakk kienet diretta lejn l-ogħla uffiċjal tal-MFA is-Sur Norman Darmanin Demajo li kellu l-opportunita` u l-ħin kollu jirrispondi dak il-ħin għall-mistoqsijiet tiegħi.

Finalment nixtieq nappella lill-MFA u lill-Global Security sabiex minflok joqogħdu jintilfu u jaħlu l-ħin jibagħtu stqarrijiet lill-media lokali, iħarsu dawra madwarhom u jaraw li jagħmlu x-xogħol tagħhom tajjeb u jaraw li kull min jidħol fl-Istadia lokali jkollu biljett imħallas jew complimentary card valida. Mhux l-ewwel darba li ddaħħlu nies b’xejn bla biljetti u bla complimentray cards b’mod abbużiv kemm fin-naħa tan-nies u anke fil-VIP u dan għad-dannu tal-Clubs li qed jitnaqqsilhom l-introjtu bi dritt tagħhom. Eżempju ċar (u ta’ dan għandi l-provi) huma l-logħbiet  tal-Ewwel Diviżjoni fil-Victor Tedesco Stadium.

Nixtieq fl-aħħarnett nikkonferma mal-qarrejja ta’ dan is-sit u mal-pubbliku sportiv kollu,  li jien ma nitħallasx u ma nieħu ebda kumpens mill-istess MFA jew mill-uffiċjali tagħha u li jien kont, għadni u se nibqa’ nagħmel xogħoli b’integrita` u b’onesta` u mhux se nħalli lill-ebda assoċjazzjoni speċjalment l-MFA tipprova tiskredita x-xogħol u l-professjoni tiegħi bħala ġurnalist sportiv indipendenti.

Sandro Micallef

Ġurnalisti Sportiv u Preżentatur Kontrattakk TVM





2 Comments

  1. Bugeja says:

    Hartshore ta marsaxlokk ukoll fl-istads ftit iehor fil VIP ikun…………..vera thobbuwa tghixu bil korruzjoni!!!!

    [Reply]

  2. Joe Galea says:

    u Pelinku hemm fl-istand!

    [Reply]

Leave a comment