Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport

Monday, May 22, 2017, 10:46

 

“Illum qed ninawguraw ix-xogħol ta’ rinovar tal-jogging track ta’ Santa Luċija pero t-tir hu li din tkun biss waħda minn ħafna hekk kif diġà qed naraw biex ikollna oħra fix-Xgħajra u l-Fgura.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt l-inawgurazzjoni tar-rinovar tal-jogging track li hi twila kilometru. Huwa semma kif il-problema ta’ obeżità trid tiġi miġġielda b’diversi modi; li ngħixu ħajja sana billi nagħżlu nieklu tajjeb iżda wkoll li nagħmlu l-eżerċizzju u nkunu attivi fiżikament.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li waħda mill-proposti tal-manifest elettorali tgħid li l-applikazzjonijiet għall-programmi On the Move jkunu b’xejn għal dawk in-nies bi dħul baxx. Dan qed isir sabiex aktar kemm jgħaddi ż-żmien jintlaħqu aktar familji li jibdew ikunu fiżikament attivi.

Filwaqt li rringrazzja lil kull min ħadem, spjega kif dan it-tragward li ntlaħaq seta’ jsir biss b’ħidma konġunta bejn diversi partijiet fosthom SportMalta u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, iżsa mhux biss. Huwa spjega kif il-politika tal-Gvern tħeġġeġ il-ħidma konġunta sabiex l-għanijiet jintlaħqu fi żmien iqsar u ma jintilfux riżorsi.

Iċ-Chariman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li dan il-proġett, li sewa €90,000, ikompli jgħin sabiex tintlaħaq il-mira ta’ SportMalta li ċċaqlaq in-nazzjon. Huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu li anke l-Kunsill Lokali qed jara l-bżonn li jinstabu u jinbnew faċilitajiet sportivi sabiex jinqdew iċ- ċittadini tal-lokal.

Is-Sindku ta’ Santa Luċija Terrence Ellul irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq il-proġett fosthom Catch the Drop Campaign li taw il-water fountains u lil Greenpack li ramaw il-post b’laned li fih jista’ jintefa’ ż-żibel. Is-Sindku qal li dan huwa wieħed minn bosta proġetti li qed isiru fil-lokalità ta’ Santa Luċija.





Leave a comment