Stqarrija Mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport u mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva

Monday, May 22, 2017, 10:13

Aktar art għall-użu sportiv

Illum kien iffirmat il-ftehim sabiex tliet siti jkunu trasferiti lil tliet clubs sportivi biex huma wkoll ikollhom il-faċilità sportiva tagħhom—dan sar mis-Segretarju Parlamentari Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-clubs in kwistjoni huma l-clubs tal-football tal-Marsa u Naxxar L., u l-club tal-waterpolo ta’ Valletta. Chris Agius irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw fit-tragward li ntlaħaq. Huwa saħaq li fl-irwol tiegħu jħoss id-dover li jara kif il-clubs ikunu moqdija bl-aħjar mod; it-trasferiment tal-art mhux biss se jagħti faċilità sportiva lil dawn it-tliet clubs, imma se jkun ukoll qed jgħinhom ikunu aktar sostenibbli meta jħaddmu l-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-art.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri faħħret il-ħidma tal-voluntiera. Hija spjegat kif il-board il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar huwa impenjat li jassisti fejn jista’ fir-rigward ta’ faċilitajiet sportivi; dan imur id f’id mal-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-art li tnediet miż-żewġ segretarjati fil-ġimgħat li għaddew.

Saru wkoll interventi mit-tliet presidenti rispettivi: Twanny Mercieca (Marsa FC), Pierre Sciberras (Naxxar L.), u Victor Spiteri (Valletta Waterpolo), li kollha kellhom kliem ta’ tifħir u li qiesu dan il-ftehim bħala wieħed storiku u ħolma li saret realtà.





Leave a comment