Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport

Wednesday, May 24, 2017, 11:04

Iffirmati ftehim ma’ Sannat L. u Xewkija T. Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius kien preżenti meta kien iffirmat ftehim ma’ żewġ teams tal-football Għawdxin; Sannat Lions u Xewkija Tigers, liema ftehim ser ikun qiegħed jagħti s-somma ta’ 50,000 ewro lil kull club sabiex tittaffa ftit mill-ispiża finanzjarja għal żewġ proġetti li ż-żewġ clubs se jimbarkaw fuqhom.

Sannat Lions ser ikunu qed jużaw din l-għotja biex jibnu stand għall-ispettaturi. Filwaqt li Xewkija Tigers ser ikunu qed jużaw l-għotja biex ikopru l-ħidma li qed issir biex il-faċilità sportiva jkollha gym. Iż-żewġ Presidenti tat-teams Jeffrey Farrugia u Teddy Bajada, urew s-sodisfazzjon tagħhom għal din l-għajnuna finanzjarja li ser tkun qed ittaffi ftit mill-ispejjeż li l-club ikollu.

Is-Segretarju Parlamentari qal li tul din il-leġislatura l-Gvern dejjem ħaseb biex itejjeb l-isport f’Għawdex. Fil-fatt beda l-Gozo Sports Board u kienu estiżi l-programmi ‘On the Move’ f’Għawdex fost l-oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li dan il-ftehim isegwi l-ftehim li kien iffirmat ftit tal-ġimgħat ilu meta kien iffirmat ftehim simili mal-Assoċjazzjoni tal-football Għawdxija. Ftehim li kien ikkunsidrat wieħed storiku hekk kif għall-ewwel darba l-Assoċjazzjoni ngħatat somma diretta ta’ 100,000 ewro li ser iservu għal manutenzjoni fl-Istadium Nazzjonali ta’ Għawdex. Fost l-oħrajn ser tinbidel is-sistema ta’ sound, tkun estiża l-VIP stand, bl-istess żona tiġi mdawra bi ħġieġ u tittejjeb is-sistema ta’ seating fiż-żona.





Leave a comment