Il-Ministru Caruana iżżur s-sitt edizzjoni tal-inizjattiva Talenti + imtella’ minn Kerċem Ajax FC

Tuesday, August 8, 2017, 9:22

Il-Ministru Justyne Caruana iżżur s-sitt edizzjoni tal-inizjattiva Talenti + imtella’ minn Kerċem Ajax Football Club kif ukoll Sports on the Move “Meta sitt snin ilu bdejna l-programmi għat-tfal, Talenti+,  konna konvinti li ser jiġu attirati għadd sabiħ ta’ tfal li għandhom abbilitajiet differenti.  Illum nistgħu nikkonfermaw li l-inizjattiva rnexxiet, tant hu hekk, li tul dawn l-aħħar snin ġew attirati mijiet ta’ tfal minn madwar Għawdex kollu.” Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-Ministru Justyne Caruana waqt żjara li għamlet ġewwa l-kumpless sportiv ta’ Kerċem Ajax F.C. fejn tinżamm l-inizjattiva annwali tas-Sajf, Talenti +. It-tfal li jattendu dawn il-korsijiet kemm edukattivi kif ukoll sportivi, jitħarrġu f’dixxiplini diversi u jaqsmu bejniethom ħin ta’ kwalità, ilkoll skont l-abbilitajiet tagħhom. Minbarra l-kunċett ta’ teamwork, matul dawn il-programmi, it-tfal laqgħu u draw il-kumpanija ta’ ħbieb tagħhom li għandhom xi diżabilità kif ukoll kellhom esperjenzi ma’ persuni anzjani fejn it-tfal tgħallmu fuq drawwiet ta’ missirijietna. Din kienet esperjenza siewja biex minn kmieni t-tfal mhux biss ikunu mħarrġin fl-aspetti kollha ta’ aċċettazzjoni u inklussività, imma wkoll jikbru f’ambjent li ’l quddiem ikompli jgħinhom jiffurmaw ġenerazzjoni ġdida li tagħraf li f’soċjetà ġusta hemm post għal kulħadd fi spirtu ta’ ugwaljanza u ekwità. Din is-sena t-tema ta’  ‘Talenti +’ hija #intispeċjali, fejn it-tfal għandhom programm ta’ taħriġ, imqassam skont l-età u jaħdmu u jirsistu biex joħorġu l-ħiliet tagħhom b’modi diversi.  L-attivitajiet jinkludu drama, sports, crafts u għall-ewwel darba t-tfal qed jesperjenzaw ukoll xi tisser il-ħajja ġewwa razzett tipikament Malti. Dawn l-attivitajiet ilkoll għandhom għan wieħed, apparti li t-tfal jieħdu gost, jibdew jifhmu l-kunċett tal-inklussività.  “Li wliedna jikbru fi spirtu li jaċċettaw id-diversità huwa pass mill-iktar pożittiv li jgħinhom minn ċkunithom jaċċettaw lil sħabhom bħala daqshom allavolja jkollhom ħiliet differenti, kif ukoll jitgħallmu jaħdmu flimkien,” stqarret il-Ministru Carauna.  “Irridu nkomplu nnisslu fil-karattru tat-tfal sens t’ aċċettazzjoni tad-diversità kif ukoll li jitgħallmu japprezzaw u jgħożżu persuni ta’ nazzjonijiet oħra. Għalhekk permezz ta’ din l-inizjattiva, qed nimmiraw biex it-tfal tagħna minn kmieni jikbru fihom valuri b’saħħithom ta’ inklużjoni, ugwaljanza u solidarjetà,” kompliet il-Ministru għal Għawdex. Dr Justyne Caruana żaret ukoll iċ-Ċentru Sportiv ta’ Għawdex li jinsab ġewwa r-Rabat fejn hemmhekk ukoll qed tinżamm inizjattiva sportiva oħra, dik ta’ Sports on the Move li qed issir b’kollaborazzjoni ma’ SportsMalta. L-għan ta’ dan il-programm hu li t-tfal li jattendu jingħataw taħriġ f’dixxiplini sportivi diversi. Dan iseħħ taħt sorveljanza t’għalliema kkwalifikati u f’post sigur u attrezzat. Il-Ministru sabet ukoll ħin sabiex titkellem mal-ħaddiema u l-uffiċjali li hemm assenjati fiċ-Ċentru Sportiv, fejn magħhom tkellmet dwar x’titjib għandu jsir fiċ-Ċentru u x’inizjattivi ġodda jistgħu jiġu ppjanati għall-futur.





Leave a comment