Stefan Buontempo iżur lill-Malta Amateur Athletic Association

Wednesday, April 17, 2013, 23:30

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, illum żar lill-Malta Amateur Athletic Association, il-Marsa.

 

Matul din il-laqgħa, Dr Buontempo tkellem mar-rappreżentanti ta’ din l-assoċjazzjoni li spjegawlu l-viżjoni tagħhom għall-isport.

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li r-riforma li trid issir fl-isport ser tkun minn isfel għal fuq, bil-Gvern jisma’ l-ideat tal-għaqdiet li jagħmlu sagrifiċċji kbar f’dan il-qasam.

 

Dr Buontempo saħaq li l-organizzazzjonijiet sportivi kollha huma rilevanti u għalhekk qed jiltaqa’ magħhom biex il-politika sportiva tkun imfassla fuq il-bżonnijiet kemm tal-għaqdiet kif ukoll tas-soċjetà inġenerali.

 

L-isport għandu wkoll l-aspett soċjali peress, li mhux kulħadd jista’ jipprattika l-isport favorit tiegħu. Dan minħabba li, f’ċerti każijiet, l-ispiża marbuta mal-isport tkun għolja wisq. Il-Gvern irid jara li meta lill-għaqdiet jgħaddilhom l-artijiet, dawn iridu imbagħad jaħsbu f’dawk li ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu biex jipprattikaw l-isport.

 

Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li jrid li f’pajjiżna tiġi inkoraġġuta mentalità sportiva, u l-involviment ta’ dawn l-għaqdiet ser ikun wieħed kontinwu u kostanti.

 





Leave a comment