Starlites u Mellieħa Mr. Green b’punti massimi wara programm t’erba’ partiti

Tuesday, October 20, 2015, 18:22

 ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Mellieħa Mr. Green 70

Phoenix Frank Salt 53

(12-13)(19-9)(22-18)(17-13)

Mellieħa Mr. Green setgħu finalment jagħmlu d-debutt tagħhom dan l-istaġun meta bdew b’rebħa fuq Phoenix Frank Salt 70-53. Mellieħa kellhom lil Steve Sammut jirritorna magħhom u Ben Aquilina li wkoll irritorna però kien nieqes għal din il-partita. Għal Phoenix kienu nieqsa Jano Sant u Antoine Cast. Mellieħa fetħu tajjeb u marru 10-2 minn fuq bi trippla ta’ Sammut u punti ta’ Bernard Soler. Phoenix wieġbu bi trippla ta’ Andres Toompere u wara basket ta’ Clint Grixti għal Mellieħa, Phoenix komplew b’ħames punti oħra biex temmew is-sessjoni minn fuq 13-12. Fit-tieni perjodu ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex l-iskor baqa’ f’parita 20-20. Hawn Mellieħa tjiebu u approfittaw minn żbalji ta’ Phoenix biex għamlu run ta’ 11-2 kollha minn Steve Sammut u daħlu jistrieħu 31-22 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Sammut kompla bil-punti tiegħhu flimkien ma’ Robert Loporto biex il-vantaġġ ta’ Mellieħa kiber għal 18 –il punt 40-22. Phoenix kellhom trippla minn Karl Borg u punti konsekuttivi ta’ Toompere. Mellieħa kellhom punti ta’ Emanuel Lupo u trippla ta’ Ian Terribile biex reġgħu żiedu l-vantaġġ. Christian Briffa u Borg wieġbu għal Phoenix però Mellieħa kienu għadhom 13 minn fuq fi tmiem it-taqsima 53-40. Fl-aħħar perjodu, Mellieħa bdew b’run oħra ta’ 9-2 bi trippla oħra ta’ Sammut. Phoenix ukoll kellhom it-three pointers minn Marko Vucinic però Mellieħa żammew vantaġġ komdu biex rebħu l-partita 70-53.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 4, M. Farrugia 4, S. Sammut 33, R. Loporto 8, N. Muscat, E. Lupo 10, I. Terribile 3, B. Soler 8, P. Magro.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi, M. Vucinic 15, D. Pisani 2, R. Curmi, D. Debattista, K.Borg 6, C. Camenzuli, J. Anastasi 4, C. Briffa 2, M. Fenech, J. Ransley 9, A. Toompere 15.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.

St. Nicholas Suns 70

Starlites 71

(14-29)(22-13)(17-16)(17-13)

F’partita mill-isbaħ, Starlites għelbu lil St. Nicholas Suns 71-70 fejn il-logħba kienet kumbattuta sat-tmiem u setgħet marret kull naħa bis-Suns ikollhom ċans jerbħu l-partita fl-aħħar sekonda bit-tentattiv ta’ Louis Camilleri ma jidħolx. Starlites kellhom fl-iskwadra lil Jacob Formosa fil-waqt li Suns kellhom nieqes lil Stefano Borg. Starlites ħadu vantaġġ fl-ewwel ħinijiet bil-punti ta’ Thomas Grech u Formosa u marru 10 minn fuq 15-5. Suns kellhom il-punti ta’ Keith Scicluna però żewġ three pointers konsekuttivi ta’ Grech ħadu l-vantaġġ ta’ Starlites 29-14. Fit-tieni taqsima, Suns fetħu bil-punti ta’ Michael Barberi fosthom trippla flimkien ma’ Camilleri u Scicluna u naqqsu d-distakk għal sitt punti 25-31. Formosa wieġeb għal Starlites b’Camilleri jagħmel trippla għal Suns flimkiem ma’ punti ta’ Scicluna hekk kif Starlites daħlu jistrieħu 42-36 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Starlites bdew bi trippla ta’ Clive Schembri u l-punti ta’ Grech bi Hubert Agius jirrispondi għal Suns. Ir-risposta ta’ Starlites kienet immedjata b’żewġ three pointers ta’ Formosa. Agius u Camilleri baqgħu jwieġbu għal Suns biex l-aħħar taqsima bi Starlites fuq quddiem 58-53. Il-logħba issa sbieħet hekk kif kien hemm tlett three pointers u Suns waslu sa’ basket ‘l bogħod 59-61. Run ta’ 8-2 minn Suns poġġiethom minn fuq 67-63. Suns kellhom trippla oħra ta’ Simon Cauchi u marru 5 minn fuq fl-aħħar minuta. Starlites ma ċedewx u wara trippla ta’ Grech, kien hemm il-basket deċisiv ta’ Alec Felice Pace li poġġijhom minn fuq 71-70. Suns tilfu l-aħħar ċans minn Camilleri u Starlites ħadu nifs qawwi u rebħu l-partita 71-70.

St. Nicholas Suns: K. Scicluna 15, H. Agius 17, M. Barberi 9, J.P. Antoncic 1, R. Camilleri 2, S. Cauchi 11, L. Camilleri 15.

Starlites: A. Schembri, M. Azzopardi, L. Vella, T. Gatt 4, C. Schembri 5, M. Falzon 11, A. Felice Pace 5, A. Mifsud, J. Formosa 24, O. Psaila, A. Cutajar, T. Grech 22.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani.

Phoenix Frank Salt 51

St. Nicholas Suns 59

(6-13)(17-16)(12-14)(16-16)

Din il-partita oriġinarjament bdiet fid-disgħa t’Ottubru però kellha titwaqqaf minħabba l-umdita bis-Suns fuq quddiem. L-aħħar ftit minuti tkomplew il-Ħadd li għadda u Suns żammew il-vantaġġ biex pattew għat-telfa li ħadu jumejn qabel. Suns fetħu vantaġġ tajjeb fil-bidu tal-partita u bdew bl-ewwel sitt punti tal-partita b’żewġ baskets ta’ Louis Camilleri. Wara baskets minn Joshua Anastasi u Jonathan Ransley għal Phoenix, Suns kellhom 5 punti oħra għal skor ta’ 13-6. Fit-tieni taqsima, Suns bdew b’run ta’ 8-0 fl-ewwel tlett minuti bi tlett baskets minn Keith Scicluna. Phoenix finalment wieġbu bi break ta’ 8-0 b’żewġ trippli minn Luke Azzopardi u Karl Borg. Phoenix komplew inaqqsu d-distakk bil-punti ta’ Christian Briffa u trippla ta’ Andras Toompere u fil-half time il-vantaġġ ta’ Suns niżel għal sitt punti 29-23.

Phoenix kellhom l-aħjar bidu wara l-intervall hekk kif komplew bit-trippli minn Antoine Costa u Borg biex ħadu l-vantaġġ. Suns, li sal-ħames minuta kellhom biss basket wieħed, wieġbu bi break ta’ 9-2 bil-punti ta’ Camilleri u reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 43-35. Fl-aħħar sessjoni, Suns żammew il-vantaġġ sakemm waqfet il-logħba, u fit-tkomplija tagħha Phoenix kellhom it-trippli ta’ Karl Borg u Marko Vucinic però Suns kellhom vantaġġ tajjeb biex rebħu l-partita 59-51.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 3, M. Vucinic 5, D. Pisani, J. Anastasi 2, D. Debattista 2, C. Camenzuli, K.Borg 9, J. Sant, C. Briffa 6, A. Costa 3, J. Ransley 10, A. Toompere 11.

St. Nicholas Suns: S. Borg, K. Scicluna 22, H. Agius 11, M. Barberi 7, J.P. Antoncic, R. Camilleri, S. Cauchi 5, L. Camilleri 14.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.

Gżira Athleta 46

Mellieħa Mr. Green 59

(9-15)(10-14)(16-13)(11-90)

Mellieħa Mr. Green kisbu t-tieni rebħa fi spazju ta’ jumejn meta għelbu lil Gżira Athleta 59-46. Joshua Aquilina kien qiegħed jilgħab kontra Mellieħa għall-ewwel darba fil-karriera tiegħhu wara diversni snin jilgħab magħhom. Il-bidu tal-partita kien wieħed kwiet bil-Mellieħa jmorru 7-3 minn fuq sa’ nofs l-ewwel sessjoni bil-punti ta’ Michel Farrugia u Steve Sammut. Athleta kellhom il-punti ta’ Miguel Gauchi Montaldo però Mellieħa malajr wieġbu bi tlett baskets konsekuttivi oħra ta’ Sammut u għalqu t-taqsima 15-9 minn fuq. Mellieħa żiedu l-vantaġġ b’erbgħa punti fl-ewwel żewġ minuti. Athleta wieġbu bil-free-throws qabel ma Mellieħa għamlu run ta’ 10-1 b’Sammut jagħmel sitt punti flimkien ma’ Emanuel Lupo u Ian Terribile. Is-sessjoni kompliet bi trippla ta’ Martin Krastev għall-Athleta biex fl-intervall Mellieħa kienu 29-17 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Athleta ppruvaw inaqqsu d-distakk b’baskets ta’ Ryan Bezzina u Luca Stefanovic. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn three pointers ta’ Farrugia u Sammut u komplew iżidu l-vantaġġ wara baskets ta’ Bernard Soler.  L-aħħar taqsima fetħet bi trippla oħra ta’ Sammut u komplew bi break ta’ 9-2. Athleta mbagħad għamlu l-aħħar punti tal-partita kollha minn Francesco Mifsud Bonnici biex Mellieħa rebħu l-partita 59-46.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 13, E. Schiappati, L. Stefanovic 6, M. Gauchi Montaldo 19, J. Wait, J. Aquilina 2, M. Krastev 5, S. Vincic 2, R. Bezzina 2.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 1, M. Farrugia 10, S. Sammut 29, R. Loporto 8, E. Lupo 5, I. Terribile 3, B. Soler 3, P. Magro.

Referees: Gordon Barbara, Teemu Helenius.





Leave a comment