Starlites u Hibs jerbħu qabel jiltaqgħu fit-tazza Louis Borg

Monday, December 10, 2018, 17:46

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

minn Colin Schembri

StarlitesGIG 57

Depiro 51

(17-14)(9-11)(12-10)(19-16)

Starlites GIG irkupraw mit-telfa li ħadu kontra Luxol fl-aħħar ħarġa tagħom u rritornaw għar-rebħ kontra Depiro 57-51. Depiro għal ħin twil żammew il-pass mal-avversarji fejn anke kienu fuq quddiem għal ħin twil però żbalji kruċjali speċjalment lejn it-tmiem tellfuhom il-partita. Depiro kienu mingħajr Nicole Agius fil-waqt li Christina Curmi u Adriana Lupo għadhom nieqsa għal Starlites. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. Patricia Arguello kisbet żewġ three pointers għal Starlites għalkemm bejniethom kien hemm ħames punti ta’ Steffi De Martino. Starlites komplew bil-punti ta’ Samantha Farrugia u Arguello biex għalqu s-sessjoni 17-14 minn fuq. Fit-tieni sessjoni kien hemm ir-rimonta ta’ Depiro speċjalment bil-punti ta’ Gaby Mifsud u Ahsley Gray li poġġewhom fuq quddiem 21-17. Starlites reġgħu ġew lura bit-three pointers ta’ Arguello u Josephine Grima u għalkemm Depiro kellhom basket minn Danielle Agius, Starlites daħlu jistrieħu punt minn fuq 26-25.

Wara l-intervall, Depiro ħadu l-vantaġġ b’sensiela ta’ punti minn Gray bi Starlites iwieġbu b’punti minn Kristy Galea u Arguello. Depiro kellhom trippla ta’ De Martino però kienu Starlites li temmew is-sessjoni bl-aħjar mod hekk kif għamlu 8 punti mingħajr rispsota minn Galea, Grima u Arguello għal skor ta’ 38-35. Fl-aħħar taqsima Depiro tilfu lil Gaby Mifsud wara technical foul però t-trippli ta’ De Martino ħallewhom fuq quddiem 46-42. Starlites kellhom il-punti ta’ Michela Zammit Cordina flimkien ma’ Grima iżda Depiro kienu għadhom basket minn fuq lejn tmiem il-partita 51-49. Hawn huma tilfu l-pussess u Starlites approfittaw bil-punti ta’ Grima u Arguello fi break finali ta’ 8-0 biex ħarġu rebbieħa 57-51.

Starlites GIG: M. Zammit Cordina 3, K. Galea 9, A. Micallef, S. Farrugia 2, M. Bonett 2, H. Acreman, M. Riolo, J. Grima 15, P. Arguello 26, M. Cutajar, S. Davies, F. Fabok.

 

Depiro: G. Mifsud 3, C. Camilleri 4, D. Agius 2, S. De Martino 16, D. Said Hollier 1, M. Scicluna, N. Hili, C. Ciantar 4, A. Mifsud 1, A. Gray 19.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Charles Pollet

Hibernians 75

Caffè Moak Luxol 49

(14-9)(21-6)(21-15)(19-19)

Hibs wieġbu għar-rebħa ta’ Starlites fil-partita ta’ qabel meta għelbu lil

Ritratt: Wally Galea

Caffè Moak Luxol 75-49. Bil-coach Tony Camilleri ndispost, kienet Caroline Schiavone li mexxiet lit-team f’din il-partita. Luxol inkudew lil Martina Darmanin però kellhom nieqsa lill-Ispanjola Ina Medina u n-nuqqas tagħha nħass ferm hekk kif kienet għaddejha minn mument tajjeb. Hibs kellhom bidu tajjeb b’żewġ three pointers minn Ema Micallef u Elena Cassar. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Sarah Pace u Alexis Dillard flimkien ma’ trippla ta’ Monique Carunana però punti ta’ Leanne Duncan u Amelia Simmons ħallew lil Hibs fuq quddiem 14-9. Fit-tieni sessjoni Hibs għamlu break qawwi ta’ 17-2 fosthom trippla ta’ Samantha Brincat u aktar punti minn Simmons, Cassar u Iona Agius. Luxol waqqfuhom b’żewġ baskets minn Dillard u Antoinette Borg però qabel l-intervall Hibs kisbu 4 punti oħra biex daħlu jistrieħu 20 punt minn fuq 35-15.

Fit-tielet taqsima, l-andament tal-partita ma nbidilx hekk kif kienu Hibs li komplew iżidu l-vantaġġ li kellhom meta fost l-oħrajn għamlu run ta’ 14-3 bi trippla oħra ta’ Micallef flimkien ma’ Simmons u Cassar. Luxol sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti għalkemm lejn it-tmiem kellhom it-three pointers minn Borg u Pace iżda xorta kienu għadhom ‘l bogħod mill-avversarji 30-56. Fl-aħħar sessjoni kien hemm ħin għal diversi players ta’ fuq il-bank bil-Luxol isibu run qasira ta’ 8-2 iżda Hibs kienu fil-kontroll tal-partita u ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 75-49.

Hibs: E. Micallef 10, E. Cassar 11, K. Calleja, S. Brincat 10, I. Agius 2, J. Abela, S. Abela 9, A. Simmons 18, N. Farrugia 2, H. Al Tumi 4, K. Caruana 2, L. Duncan 7.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 14, M. Caruana 6, N. Vella 2, K. Portelli 1, A. Borg 8, A. Dillard 16, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin 2, C. Mifsud.

Referees: Daniella Torok, Kamil Dworniczak, Malek Hraisha

 

Klassifika Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Starlites Gig

5

4

1

9

304

268

Hibernians

5

4

1

9

321

282

Caffè Moak Luxol

5

2

3

7

305

326

Depiro

5

0

5

5

284

338

 





Leave a comment