Starlites Naxxar u Gżira Athleta jibdew bir-rebħ

Monday, March 28, 2016, 18:35

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Starlites Naxxar 68

Phoenix Frank Salt 53

(14-13)(17-9)(20-15)(17-16)

Starlites Naxxar bdew l-impenji tagħhom fil-play-offs b’rebħa kontra Phoenix Frank Salt 68-53. Phoenix żammew il-pass mal-avversarji fl-ewwel sessjoni fejn l-ebda team ma rnexxielhu jiftaħ xi vantaġġ sostanzjali. Iż-żewġ timijiet bdew b’erba’ punti kull wieħed u minn hemm ‘l quddiem kien hem botta u risposta u Starlites temmew is-sessjoni 14-13 minn fuq. Fit-tieni taqsima Phoenix marru fuq quddiem bil-punti ta’ Marco Vucinic u Darryl Pisani. Starlites kellhom risposta mill-aqwa meta għamlu break ta’ 15-0 li wasal kollhu minn Ivan Mitrovic u Thomas Grech. Phoenix waqqfuhom bil-punti ta’ Andreas Toompere u Jonathan Ransley però fl-intervall Starlites kienu 31-22 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Phoenix fetħu bi trippla ta’ Vucinic però pronta kienet ir-risposta ta’ Starlites bi break ieħor ta’ 11-0 bit-tieni trippla ta’ Mitrovic. Phoenix irkupraw b’run ta’ 10-2 biex naqqsu d-distakk għal disa’ punti. Wara time-out ta’ Alfred Mifsud, Starlites reġgħu għamlu 5 punti mingħajr risposta għal skor ta’ 51-37. Fl-aħħar taqsima reġa kien hemm mument ta’ baskets fuq kull naħa biex il-vantaġġ ta’ Starlites baqa’ stabbli għalkemm Phoenix kellhom run qasira ta’ 6-2 bi trippla ta’ Luke Azzopardi. Phoenix l-aktar li waslu kien sa’ 10 punti 53-63 qabel ma Starlites għamlu l-aħħar 5 punti tal-partita bi trippla ta’ Alec Felice Pace u rebħu l-partita 68-53.

Starlites: A. Schembri 2, O. Psaila, L. Vella, M. Azzopardi, C. Schembri, M. Falzon 17, A. Felice Pace 7, I. Mitrovic 25, Q. Bugeja, A. Cutajar, T. Grech 17.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 7, G. Micallef, D. Pisani 11, R. Curmi 4, D. Debattista, C. Camenzuli 8, M. Vucinic 8, D. Massa 1, J. Ransley 4, A. Toompere 10.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Mellieħa Mr. Green 52

Gżira Athleta 63

(3-16)(8-19)(18-10)(23-18)

Bidu qawwi minn Gżira Athleta ħasad għal kollox lil Mellieħa u minkejja li Mellieħa tħabtu biex jirkupraw l-iżvantaġġ kien wieħed qawwi ħafna għalijhom. Athleta msaħħa bil-preżenza ta’ Matthew Gouder li jinsab bil-vaganzi tiegħu, kellhom wirja mill-aqwa speċjalment fid-difiża fl-ewwel żewġ sessjonijiet. Kienu Mellieħa li fetħu l-partita bi trippla ta’ Steve Sammut però dawn kienu l-aħħar punti tagħhom fl-ewwel sessjoni. Minn hemm ‘l quddiem waslu biss il-punti tal-Athleta minn diversi players fosthom Gouder, Luca Stefanovic u Miguel Gauchi Montaldo. Mellieħa ma rkuprawx fit-tieni sessjoni meta komplew isofru l-insistenza tal-Athleta. Il-players ta’ Peter Farrugia komplew b’run oħra ta’ 10-0 b’żewġ trippli minn Stefan Vincic. Mellieħa finalment wieġbu b’basket minn Clint Grixti però Athleta għamlu sitt punti oħra bi trippla oħra ta’ Vincic. Mellieħa tejjbu l-logħba tagħhom meta għamlu break qasir ta’ 7-0 b’żewġ baskets minn Robert Loporto però Athleta daħlu jistrieħu 35-11 minn fuq.

Wara l-intervall kienu Mellieħa li bdew tajjeb meta kellhom it-three pointers minn Sammut u Rihards Polis. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Gauchi Montaldo u Vincic però Mellieħa kellhom run oħra ta’ 9-2 u komplew inaqqsu d-distakk anke fil-ftuħ tal-aħħar taqsima meta kellhom aktar trippli minn Sammut u Polis waslu sa’ 8 punti ‘l bogħod 46-54. Punti minn Vincic u Gauchi Montaldo flimkien ma’ Luca Stefanovic reġgħu taw vantaġġ b’figuri doppji lil Athleta u wara li Ian Terribile reġa’ ressaq lil Mellieħa viċin, kienu Athleta li għalqu l-partita b’aktar punti minn Vincic biex rebħu l-ewwel semi-finali 63-52.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 1, M. Farrugia 3, S. Sammut 18, I. Terribile 3, R. Loporto 12, R. Polis 13, D. Miani, E. Lupo 2, B. Soler, P. Magro.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 8, J. Wait 2, D. Buhagiar, L. Stefanovic 6,  M. Gauchi Montaldo 13, J, Symmons, M. Gouder 14, M. Cilia, S. Vincic 21, R. Bezzina, A. Baldacchino 1.

Referees: Alfred Carbonaro, Christine Farrugia.





Leave a comment