Starlites jirreżistu r-rimonta tal-Athleta u jieħdu l-ewwel post…l-ewwel rebħa ta’ Depiro

Monday, January 23, 2017, 19:47

Kampjonat Maspre MSV Life – Nisa

Hibs 46

Depiro 52

(7-17)(11-9)(13-12)(15-14)

Depiro kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat wara li għelbu lil Hibs 52-46 biex il-klassifika kompliet tiqsar għalkemm għadna fi tmiem l-ewwel round minn tlieta qabel il-play-offs. L-Amerikana Carlee Schumacher fit-tieni dehra tagħha kienet ferm aħjar mill-ewwel partita u  minbarra li tjiebet fl-attakk, kienet ukoll utli fid-difiża speċjalment fuq Trudy Armstead kellha wkoll 4 blocks u 22 rebound. Il-partita kellha bidu bilanċjat bil-Hibs imorru punt minn fuq għall-uniku vantaġġ li kellhom fil-partita. Hawn Depiro kellhom run ta’ 12-2 b’diversi punti ta’ Samantha Brincat flimkien ma’ Gaby Mifsud u temmew l-ewwel sessjoni 17-7 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Depiro żiedu l-vantaġġ wara trippla ta’ Nicole Agius u l-punti ta’ Schumacher. Hibs finalment irrispondew meta għamlu break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Silvia Gambino biex fl-intervall naqqsu d-distakk għal 8 punti 18-26.

Fit-tielet taqsima Hibs fetħu bi trippla oħra ta’ Gambino però punti konsekuttivi ta’ Depiro bi trippla ta’ Mifsud u Maria Bonett żiedu l-vantaġġ ta’ Depiro. Hawn Armstead daħlet fil-partita meta għamlet 5 punti konsekuttivi li kienu l-ewwel punti tagħha fil-partita. Hibs komplew b’aktar punti biex naqqsu d-distakk għal sitt punti 31-38. Fl-aħħar sessjoni, Depiro bdew bil-punti ta’ Schumacher u Claire Ciantar. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Gambino però Depiro wieġbu b’run ta’ 10-4 bi trippla oħra ta’ Mifsud biex marru 12 minn fuq. L-aħħar sforz ta’ Hibs wasal b’żewġ three pointers ta’ Gambino però l-ħin kien kontra tagħhom biex Depiro rebħu l-partita 52-46.

Hibs: E. Cassar 3, S. Gambino 18, I. Agius, M. Said 8, N. Vella, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia, T. Armstead 12, A. Marinkovic 2, J. Scerri 3.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 12, M. Balzaraviciute, S. Brincat 14, M. Bonett 2, C. Camilleri, N. Agius 6, M. Scicluna, C. Schumacher 14, J. Xuereb, T. De Martino, C. Ciantar 4.

Referees: Bernard Vassallo, Igor Marjanovic.

Gżira Athleta 43

Starlites 47

(13-12)(5-7)(6-21)(19-7)

Starlites kienu 18 –il punt minn fuq fl-ewwel ħinijiet tar-raba’ taqsima però f’daqqa waħda Gżira Athleta bdew rimonta li wasslithom viċin ferm. Starlites żammew sod fl-aħħar minuti biex ħadu t-tielet rebħa tal-kampjonat li poġġiethom fl-ewwel post tal-klassifika. Athleta kellhom lura lil Antoinette Borg fil-waqt li Starlites inkludew għall-ewwel darba lil Jelena Milekic. Starlites bdew tajjeb b’run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Patricia Arguello u l-punti ta’ Samantha Farrugia. Athleta, li bdew il-partita mingħajr Christina Grima, wieġbu b’run ta’ 11-2 bi trippla ta’ Leanne Sciberras u temmew it-taqsima 13-12 minn fuq. Fit-tieni sessjoni kien hemm nuqqas ta’ punti fuq iż-żewġ naħat. Athleta kellhom biss ħames punti kollha minn Sciberras fosthom trippla. Starlites minn naħa tagħhom kellhom biss free-throws però rnexxielhom jidħlu jistrieħu punt minn fuq 19-18.

Fit-tielet taqsima Athleta fetħu bi trippla ta’ Grima biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Hawn però Starlites kellhom run ta’ 9-2 biex marru 5 minn fuq. Ir-risposta tal-Athleta waslet biss minn basket ta’ Amelia Simmons li kellha partita kwieta hekk kif Starlites komplew bi break ta’ 12-0 fosthom trippla ta’ Josephine Grima biex fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 40-24. Fil-ftuħ tal-aħħar taqsima Starlites kellhom trippla oħra ta’ Grima u fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt. Hawn però Athleta, ġew f’tagħhom u bdew ir-rimonta. Huma għamlu run ta’ 16-0 bi trippli ta’ Grima mnkejja żewġ time-outs minn David Baudot coach ta’ Starlites. Id-distakk issa niżel għal 4 punti u Starlites bdew jaħlu l-pusess biex żammew lill-avversarji ‘l bogħod minnhom. Huma kellhom ukoll il-free-throws finali minn Grima u Kristy Galea biex ħadu r-rebħa 47-43.

 

Gżira Athleta: M. Stefanovic 2, C. Grima 11, B. Zammit, S. Pisani, L. Sciberras 14, A. Simmons 11, D. Said Hollier 2, A. Borg, J. Schembri, S. Vella 3, C. Mifsud.

Starlites: D. Agius 1, K. Galea 4, J. Doughty 7, S. Farrugia 7, D. Revol, K. Pirotta, J. Milekic, J. Grima 10, P. Arguello 16, S. Davies, A. Lupo 2.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Klassifika Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Starlites

3

3

0

6

154

144

Gżira Athleta

4

2

2

6

233

225

Caffe Moak Luxol

3

2

1

5

190

178

Depiro

4

1

3

5

221

244

Hibs

4

1

3

5

211

218





Leave a comment