Starlites jikkonfermaw bir-raba’ rebħa

Monday, November 2, 2015, 22:04

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Mellieħa Mr. Green 55

St. Nicholas Suns 67

(13-17)(13-18)(16-17)(13-15)

Mellieħa Mr. Green dehru li ma rkuprawx mix-xokk tat-telfa kontra Starlites ġimgħa qabel tant li tilfu t-tieni logħba konsekuttiva kontra St. Nicholas Suns 55-67. Madankollu Mellieħa kellhom mument tajjeb fil-partita tant li naqqsu distakk ta’ 18 –il punt għal 5 punti fl-aħħar taqsima. Iż-żewġ timijiet kellhom xi players ġodda fosthom player Taljan kull wieħed. Mellieħa kellhom in-nuqqas ta’ Bernard Soler u r-ritorn ta’ Matthew Cauchi u għandhom lil Daniele Miani u Suns irreġistraw lil Roberto Alosio fil-waqt li żiedu wkoll lil Gareth Cutajar fl-iskwadra tagħom. Suns kellhom nieqes lil Kieth Scicluna però Alosio kien protagonist fl-ewwel ħinijiet tal-partita meta bil-punti tiegħhu flimkien ma’ Hubert Agius, Suns marru 8-2 minn fuq. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Clint Grixti u Ian Terribile u trippla ta’ Robert Loporto biex waslu sa’ basket ‘l bogħod. Kien hemm aktar three pointers fuq kull naħa biex Suns temmew il-perjodu minn fuq 17-13. Fit-tieni perjodu kien hemm aktar three pointers minn Terribile u Steve Sammut għal Mellieħa u Michael Barberi u Stefano Borg għal Suns. Suns komplew bi break ieħor ta’ 9-3 u daħlu jistrieħu 35-24 minn fuq.

Suns ħasdu lil Mellieħa bi break ta’ 10-0 fil-ftuħ tat-tielet taqsima bi three pointers minn Aloisio u Louis Camilleri. Mellieħa waqqfuhom b’basket minn Miani però żewġ baskets minn Reno Camilleri u Aloisio taw vantaġġ massimu lil Suns 50-32. Kien imiss lil Mellieħa li jagħmlu break ta’ 10-0 biex l-aħħar taqsima bdiet bis-Suns 10 minn fuq 52-42. Mellieħa komplew jitħabtu biex inaqqsu d-distakk u bdew bi trippla ta’ Sammut u b’punti minn Terribile biex resqu aktar viċin 51-56. Suns ħadu r-ruħ b’żewġ baskets minn Camilleri u Agius u minkejja li Mellieħa reġgħu wieġbu b’ħames punti, Suns għamlu l-aħħar punti tal-partita biex ħarġu rebbieħa 67-55.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 5, M. Farrugia 3, S. Sammut 24, M. Cauchi 1, R. Loporto 5, D. Miani 2, E. Lupo 6, I. Terribile 9, P. Magro.

St. Nicholas Suns: G. Cutajar 2, S. Borg 3, L. Camilleri 12, H. Agius 13, M. Barberi 5, J.P. Antoncic 2, R. Aloisio 21, R. Camilleri 9.

Referees:  Christine Farrugia, Jennifer Mangani.

 

Gżira Athleta 57

Starlites 60

(19-10)(13-9)(10-19)(15-22)

Starlites kienu diġa ċerti mir-rebħ tas-Shield però rriskjaw serjament li jiċċelebraw ir-rebħa b’telfa sorpriża kontra Athleta. Però rimonta fl-aħħar sessjoni tathom ir-rebħa biex il-ferħ tagħhom fi tmiem il-logħba kien akbar. Iż-żewġ timijiet kellhom xi uċuh ġodda fejn Athleta nkludew lil Samuel Mamo u lil player minn Wales Joel Symmons. Starlites kellhom lil player Serb ex-Hibs Ivan Mitrovic. Il-partita kellha mumenti kontroversjali fejn għal xi ħin dehret se taħrab minn idejn l-uffiċjali u spiċċat b’żewġ tkeċċijiet minn naħa tal-Athleta u diversi fouls tekniċi jew anti-sportivi. Athleta ħasdu lil Starlites b’bidu mill-aqwa u b’żewġ three pointers minn Martin Krastev u Luca Stefanovic. Ir-risposta ta’ Starlites ma waslitx u Athleta komplew b’sitt punti oħra minn Krastev u temmew l-ewwel sessjoni 19-10 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites taw sinjal li se jirkupraw meta saħħew l-attakk bid-dħul ta’ Mitrovic li kiseb l-ewwel ħames punti tagħom. Hawn però Athleta għamlu run oħra ta 10-0 b l-ewwel punti ta’ Symmons u Joshua Aquilina. Mitrovic kellhu basket ieħor però fl-intervall Athleta kienu għadhom 32-19 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, Athleta kabbru l-vantaġġ wara trippla oħra minn Krastev u d-distakk kiber għal 17 –il punt 38-21. Hawn bdiet logħba oħra minn Starlites li bdew inaqqsu l-iżvantaġġ b’basket wara l-ieħor minn Miguel Falzon u Jacob Formosa. Athleta kellhom il-punti ta’ Symmons iżda Starlites komplew għaddejin u bi trippla ta’ Mitrovic waslu sa’ ħames punti ‘l bogħod 37-42. Hawn kien hemm it-tkeċċija tal-coach tal-Athleta u ftit warajh tkeċċa wkoll Francesco Mifsud Bonnici. Athleta tfixklu u fir-raba’ taqsima sofrew run qawwija ta’ 19-0 minn Starlites fejn kien hemm it-trippli ta’ Mitrovic u Formosa flimkien ma’ Falzon u  Anthony Schembri. Athleta finalment irkupraw u għamlu tmien punti mingħajr risposta minn Aquilina u Krastev biex reġgħu waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod. Falzon  u Mitrovic kellhom il-punti għal Starlites u Athleta setgħu biss jerġgħu inaqqsu d-distakk biex Starlites rebħu l-partita 60-57 u s-Shield mingħajr telfa. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Starlites Anthony Schembri.

 

Gżira Athleta: R. Krastev, F. Mifsud Bonnici 2, J. Wait 4, L. Stefanovic 3, M. Gauchi Montaldo 9, S. Mamo, J. Aquilina 9, M. Krastev 20, S. Vincic 1, R. Bezzina, J. Symmons 9.

Starlites: A. Schembri 4, C. Doublet 2, L. Vella, J. Agius, C. Schembri 4, M. Falzon 11, A. Felice Pace 5, I. Mitrovic 22, J. Formosa 12, O. Mifsud, A. Cutajar, T. Grech.

Referees: Christine Farrugia, Brian Sly.





Leave a comment