Starlites jerbħu wkoll il-BOV knockout

Friday, March 22, 2013, 22:10

BANK OF VALLETTA KNOCK OUT 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Starlites69

Siġġiewi 32

(11-6)(22-10)(20-9)(16-7)

B’wirja ta champions, Starlites reġgħu għelbu lil Siġġiewi fi spazju ta’ ftit jiem 69-32 biex rebħu wkoll il-Bank of Valletta knock out u għamlu d-double f’dan l-istaġun glorjuż għalijhom. Siġġiewi temmew l-impenji tagħhom bis-suċċess miksub aktar kmieni fl-istaġun bir-rebħ tas-Shield. Siġġiewi kellhom ħafna tibdil fl-iskwadra dan l-istaġun u l-coach Karl Borg għal diversi mumenti għamel użu minn diversi players żgħażagħ biex jieħdu l-esperjenza. Starlites kien jimmerithom dan is-suċċess għaliex dan l-istaġun komplew isaħħu l-iskwadra diġa b’saħħitha li kellhom b’akkwisti mportanti bħal Gabor Szokreny u Steve Sammut. Għal din il-finali Siġġiewi kellhom lura lil Lee Grech u Glenn Gauchi Grech. Il-partita fetħet b’żewġ baskets fuq kull naħa bi Starlites jiftħu l-partita minn Robert Loporto u Francois Bartolo fil-waqt li Siġġiewi wieġbu b’żewġ baskets ta’ Graham Coleiro. Hawn Startlites kellhom break ta’ 7-2 li wassalhom sa’ tmiem is-sessjoni fuq skor ta’ 11-6. Fit-tieni perjodu Starlites bdew iżidu d-dominju tagħhom fil-partita bi break ieħor ta’ 10-2 b’iktar punti ta’ Bartolo u trippla ta’ Robert Bonnici. Siġġiewi kisbu żewġ baskets minn John Paul Antoncic u Coleiro però hawn bdew ġejjin diversi punti minn Steve Sammut għal Starlites. Ic-champions komplew bi break ieħor ta’ 12-4 fejn kien hemm ukoll il-punti ta’ Gabor Szokreny biex fil-halftime huma kienu 33-16 minn fuq.

Wara l-intervall ir-reazzjoni ta’ Siġġiewi ma waslitx hekk kif Starlites komplew iżidu l-vantaġġ tagħhom. Huma kellhom iktar punti minn Sammut u trippla ta’ Loporto għal skor ta’ 42-18. Siġġiewi wieġbu bil-punti ta’ Lee Grech pero baskets konsekuttivi minn Bonnici u Szokreny raw lil Starlites itemmu s-sessjoni 53-25 minn fuq. Starlites komplew iżidu l-vantaġġ fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni meta għamlu run oħra ta’ 8-0 bi tlett baskets ta’ Sammut u ieħor minn Jean Karl Khalil. Qabel intemmet il-partita il-captain tagħhom Saviour Bonnici għamel żewġ baskets konsekuttivi. Wara li Gabriel Agius għamel l-aħħar tlett punti ta’ Siġġiewi, David Garcia għalaq il-partita favur Starlites fuq skor finali ta’ 69-32.

 

Starlites: K. Galea, R. Loporto 9, R. Bonnici 14, J.C. Khalil 3, S. Bonnici 4, D. Garcia 3, C. Doublet, S. Sammut 20, G. Szokreny 8, B. Soler, A. Cutajar, F. Bartolo 8.

Siġġiewi: L. Grima, L. Grech 8, S. Mamo 2, G. Gauchi Grech, JP Antoncic 8, G. Agius 3, A. Debattista, A. Cutajar, A. Shoults, G. Coleiro 8, C. Kodomaris 3.

Referees: Gordon Barbara, Emmanuel Mangani, Clive Terribile.





Leave a comment