Starlites jerbħu l-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena

Thursday, March 31, 2016, 23:34

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/19 Irġiel

minn Colin Schembri

Starlites 60

Hibs 56

(12-13)(18-14)(16-16)(14-13)

Anqas minn ġimgħa wara li rebħu l-kampjonat ta’ taħt is-sittax –il sena, iż-żgħażagħ ta’ Starlites kisbu suċċess ieħor meta rebħu wkoll il-kampjonat ta’ taħt id-dsatax –il sena. Huma għamlu dan wara li għelbu lil Hibs 60-56 f’finali kumbattuta. Starlies kienu għelbu lil Athleta 87-69 fis-semi-finali fil-waqt li Hibs għelbu lil Depiro 96-56. Iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom fil-partita tant li fl-aħħar minuta kien għad hemm parita. Alfred Mifsud, coach ta’ Starlites uża markar strett fuq Kieron Caruana ta’ Hibs fejn kien Alec Felice Pace li kellhu dan ir-rwol. Intant Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Miguel Falzon u Thomas Grech. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Caruana u Kurt Sultana li kellhu trippla u minkejja l-punti ta’ Jacob Formosa u Felice Pace, Hibs temmew l-ewwel sessjoni 13-12 minn fuq. Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ Formosa u Falzon. Hibs kellhom trippla ta’ Caruana pero l-punti ta’ Formosa li wkoll kellhu trippla ħallew lil Starlites fuq quddiem. Starlites żiedu l-vantaġġ wara punti konsekuttivi ta’ Falzon però Hibs ġew lura bil-punti ta’ Simon Attard biex fl-intervall Starlites kienu 3 minn fuq 30-27.

Wara l-mistrieħ, Starlites dehru li se jieħdu l-partita f’idejhom hekk kif bdew b’run ta’ 13-2 bil-punti ta’ Formosa, Thomas Grech u trippla ta’ Felice Pace u fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 43-29. Hibs però kellhom ħsibijiet oħra meta kienu huma li għamlu run ta’ 11-0 b’punti minn Attard, Ryan Attard u Luke Farrugia li kellhu wkoll trippla. Starlites waqqfuhom b’baskets minn Formosa u Felice Pace u d-distaġġ reġa’ niżel għal 3 punti 46-43. FL-aħħar taqsima, Starlites reġgħu żiedu l-vantaġġ wara l-punti ta’ Grech qabel ma ġie fouled out. Formosa reġa’ żied il-vantaġġ ta’ Starlites għal 8 punti wara trippla però l-punti ta’ Caruna u Farrugia reġgħu għamlu l-iskor indaqs 56-56 bi 48 sekonda fuq l-arloġġ. Fl-attakk ta’ wara Starlites marru minn fuq b’basket ta’ Mirco Azzopardi. Hibs ma rnexxielhomx jirrispondu u free-throws ta’ Felice Pace wara offensive rebound għalqu l-partita favur Starlites fuq skor ta’ 60-56. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Starlites fost il-briju tal-partitarji numerużi li attendew għal din il-partita.

Starlites: Owen Psaila 2, Mirko Azzopardi 2, Isaac Pace, Ian Felice Pace, Miguel Vella, Miguel Falzon 15, Alec Felice Pace 10, Alex Xuereb, Jacob Formosa 19 Quentin Bugeja 2, Matthias Schembri, Thomas Grech 10.

Hibs: Paul Attard, Matthew Formosa, Ryan Cortis 2, Luke Farrugia 11, Simon Attard 15, Isaac Bonett 6, Kieron Caruana 13, Michele Laferla, Kurt Sultana 9, Mattheas Buhagair, Jamie Debono, Tristan Nikolic.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani.

Ritratti: MPC Photography: https://www.facebook.com/mpcphotographers/?fref=ts





Leave a comment