Starlites jerbħu l-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena bla telfa

Tuesday, March 28, 2017, 17:45

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/19 Nisa

minn Colin Schembri

Starlites 49

Depiro 32

(12-8)(8-8)(18-5)(11-11)

Ġimgħa wara r-rebħ tal-kampjonat ta’ taħt is-sittax –il sena, Starlites għamlu d-double meta għelbu lil Depiro fil-finali tal-kampjonat ta’ taħt id-dsatax –il sena 49-32. Fis-semifinali Starlites għelbu lil Luxol 76-53 fil-waqt li Depiro eleminaw lil Hibernians 61-48. B’uħud mill-players fuq iż-żewġ naħat diġa jimmilitaw fl-għola diviżjoni il-partita kienet kumbattuta għalkemm Starlites dejjem kellhom il-vantaġġ ħlief fl-ewwel minuti meta Depiro marru 5-2 minn fuq bil-punti ta’ Laura Vella u Nicole Agius. Starlites irrispondew b’run ta’ 10-0 b’punti minn Kristy Galea, Kim Pirotta u Jaelle Micallef fost l-oħrajn. Depiro waqqfuhom bi trippla ta’ Agius però basket ta’ Galea għalaq it-taqsima bi Starlites 12-8 minn fuq. Fit-tieni perjodu Galea u Micallef kisbu t-tmien punti ta’ Starlites bid-Depiro jkollom il-puntita’ Agius u Mante Balzaraviciute biex fl-intervall Starlites kienu 20-16 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Starlites reġgħu fetħu b’seba’ punti

Ritratt: Wally Galea

mingħajr risposta u minkejja li Agius reġgħat wieġbet għal Depiro b’basket u trippla, Starlites komplew iżidu l-vantaġġ. Huma kellhom aktar punti minn Galea flimkien ma’ Anthea Micallef, Danielle Agius, Pirotta u Jaelle Micallef biex temmew it-taqsima 38-21 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Depiro tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita u bdew bil-punti ta’ Agius u Balzaraviciute. Starlites kellhom tlett baskets mingħajr risposta minn Anthea u Jaelle Micallef qabel ma Depiro għamlu l-aħħar sforz bi break qasir ta’ 7-0 minn Agius, Balzaraviciute u Laura Camilleri. Huma però waslu biss sa’ 12 –il punt taħt l-avversarji u Starlites għalqu l-partita b’ħames punti oħra biex rebħu l-partita 49-32  u spiċċaw il-kampjonat bla telfa. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Starlites Kristy Galea fost iċ-ċelebrazzjonijiet tal-players u l-partitarji tagħhom.

Starlites: Michela Zammit Cordina, Kristy Galea 13, Martina Ferrante, Lena Ferrante, Danielle Agius 3, Kim Pirotta 6, Jaelle Micallef 15, Emma Magrin 1, Anthea Micallef 8, Katya Zerafa 1, Michela Cuschieri 2, Mikela Riolo.

Depiro: Nicole Agius 21, Noelene Agius, Laura Vella 3,  Andrea Baluci, Gulia Baluci, Leanne Agius, Mariah Micallef 1, Mante Balzaraviciute 6, CelineFenech, Laura Camilleri 1, Jasmine Mallia.

Referees: Christine Farrugia, Ivica Simic, Miklos Rajzki.

Ritratt: Wally Galea





Leave a comment