Starlites jerbħu konra Hibernians u jagħtuhom l-ewwel telfa

Monday, October 28, 2019, 16:48

St. James Hospital Shield Nisa

minn Colin Schembri

Hibernians 69

Starlites 70

(21-14)(11-9)(10-21)(17-15)(10-11)

Biż-żewġ timijiet diġa ċerti minn post fil-finali, din il-partita serviet biss biex it-team rebbieħ jispiċċa fl-ewwel post tal-klassifika. Kienu Starlites GIG li finalment ħarġu rebbieħa 70-69 wara l-ħin barrani u wara daqxejn ta’ polemika fl-aħħar tlett sekondi. Bidla waħda għal Pawlisti fejn Britney Agius ħadet post oħtha Iona għal din il-partita fil-waqt li Starlites kienu mingħajr Maria Bonett. Wara trippla inizzjali minn Sam Brincat għal Hibs, Starlites wieġbu bil-punti ta’ Anthea Micallef u Mikela Riolo flimkien ma’ Christina Curmi biex dawwru r-riżultat. Hibs però kellhom fażi tajba megħjjuna wkoll minn sensiela ta’ trippli ta’ Brincat u Jasmine Abela biex temmew l-ewwel sessjoni 21-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, il-vantaġġ ta’ Hibs kiber għal 11 -il punt wara baskets minn Julia Scerri u Marie Buhagiar. Starlites kellhom risposta, kollha minn Riolo fosthom trippla però Buhagiar ukoll kellha ħames punti oħra biex Hibs daħlu jistrieħu 32-23 minn fuq.

Wara l-intervall, kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu meta bdew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Paricia Arguello biex naqqsu d-distakk. Hibs waqqfuhom bil-baskets ta’ Kirsty Caruana u Ashleigh Van Vliet però Starlites baqgħu jagħfsu u punti konsekuttivi ta’ Riolo u Michela Zammit Cordina wassluhom sa’ basket ‘l bogħod. Sa’ tmiem is-sessjoni c-champions irnexxielhom idawwru l-iskor favurhom b’żewġ trippli wara xulxin ta’ Christina Curmi għal skor ta’ 44-42. Fl-aħħar sessjoni Hibs reġgħu marru fuq quddiem wara three pointers minn Brincat u Scerri. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin qabel ma Hibs għamlu break qasir ta’ 8-0 bi trippla ta’ Brincat li poġġijhom sebgħa minn fuq 59-52. Starlites wieġbu b’żewġ baskets ta’ Zammit Cordina u fl-aħħar sekondi trippla ta’ Micallef ippareġjat il-partita fuq skor ta’ 59 punt kull team. Fil-ħin barrani l-vantaġġ beda jdur minn naħa għall-oħra u s-sitt trippla ta’ Brincat dehret li ser tagħlaq il-partita. Però Starlites kellhom risposta għal darb’oħra minn Zammit Cordina u Micallef u basket tal-captain Samantha Farrugia fl-aħħar tlett sekondi poġġijhom fuq quddiem. Kien hemm xi protesti minn Hibs rigward time-out li għajtu u minħabba fih basket ta’ Brincat ma kienx konvalidat biex Starlites ħarġu rebbieħa 70-69.

Hibernians: B. Agius, J. Scerri 11, A. Van Vliet 11, S. Brincat 22, L. Duncan, J. Abela 5, K. Calleja, Y. Bonett 4, N. Farrugia 3, C. Camilleri, K. Caruana 6, M. Buhagiar 7.

 

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 15, M. Riolo 19, A. Micallef 11, S. Farrugia 2, F. Fabok, C. Curmi 10, C. Cilia, P. Arguello 3, M. Cutajar, S. Davies 4, A. Lupo 4.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dworniczak.

ARMS Depiro 72

 

Luxol 77

(13-15)(16-15)(22-26)(21-21)

Minkejja li din il-partita ma kellha l-ebda nteress għal fini ta’ kwalifikazzjoni,

Ritratt: Wally Galea

ż-żewġ timijiet offrew partita kumbattuta b’diversi żagħżagħ fuq il-court bil-coaches rispettivi jużawhom għal partiti b’aktar importanza. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ bil-baskets ta’ Mandi Mercieca u Sharon Vella fi break ta’ 8-2. Mal-ħin Depiro bdew inaqqsu d-distakk permezz ta’ Claire Ciantar, Julia Borg u Hannah Johnson biex Luxol spiċċaw basket minn fuq 15-13. Depiro fetħu t-tieni sessjoni bi trippla ta’ Shanise Farrugia biex marru minn fuq però Luxol wieġbu b’oħra minn Monique Caruana u punti ta’ Antoinette Borg u Vella. Depiro kellhom żewġ trippli oħra minn Nicole Agius flimkien mal-punti ta’ Jhonson iżda trippla ta’ Sarah Pace ħalliet lil Luxol fuq quddiem fl-intervall 30-29.

Fit-tielet sessjoni Luxol bdew b’run oħra ta’ 10-2 bejn Vella u Cristina Sollami. Minkejja li Depiro rrispondew permezz ta’ Ciantar u Jhonson, il-vantaġġ tal-vjola kiber permezz ta’ three pointers minn Julia Schembri, 2 wara xulxin, u fetħu vantaġġ ta’ 12 -il punt. Depiro għalqu l-perjodu b’basket ta’ Ciantar u trippla ta’ Thea Mifsud għal skor ta’ 56-51 favur Luxol. Fl-aħħar sessjoni kien hemm ħin għal aktar players żagħżagħ fuq il-court u Luxol dejjem ikkontrollaw il-vantaġġ li kellhom għalkemm Depiro rnexxielhom jaslu sa’ 5 punti ‘l bogħod. Depiro għalqu l-partita bi tlett three pointers, wieħed minn Denise Said Hollier u tnejn tal-Amerikana biex Luxol rebħu l-partita 77-72.

ARMS Depiro: No. Agius, T. Mifsud 5, Ni. Agius 9, N. Borg, J. Borg 3, D. Said Hollier 3, M. Scicluna, C. Ciantar 18, S. Farrugia 3, N. Hili 4, H. Johnson 27, N. Ebejer.

 

Luxol: S. Pace 23, M. Mercieca 4, Ni. Vella 2, I. Baena 2, No. Vella 4, S. Vella 21, K. Portelli, A. Borg 2, J. Schembri 8, M. Caruana 5, C. Sollami 6, L. Caruana Montaldo.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Sajmir Jafilika

 





Leave a comment